Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ppubblikat l-istandards għall-kwarantina li huma obbligati jsegwu persuni li jaslu f’Malta bla ċertifikat tal-vaċċin.
Dan skont l-avviż legali li jemenda l-Ordni dwar l-Estensjoni tal-Projbizzjoni fuq l-Ivvjaġġar lejn il-Pajjiżi Kollha.
Persuni mingħajr ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li jidħlu f’pajjiżna mil-lista ta’ pajjiżi elenkati fl-avviż legali, iridu jkunu fil-pussess ta’ test negattiv tal-COVID-19 li ma jkunx sar sa mhux iktar minn tnejn u sebgħin siegħa qabel il-wasla tagħhom f’pajjiżna.
Dan it-test għandu jiġi preżentat biex il-persuna titħalla titla’ fuq l-ajruplan għal Malta. Mal wasla f’pajjiżna, persuni mingħajr ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut iridu jagħmlu perjodu ta’ kwarantina mandatorja.
L-istandards jesiġu li l-kwarantina ta’ erbatax-il jum issir f’lukanda rikonoxxuta mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.
Tfal ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena li għandhom residenza fissa f’Malta u li m’għandhomx ċertifikat tal-vaċċin, jistgħu jagħmlu l-kwarantina obbligatorja fir-residenza tagħhom.
Nies li għandhom aktar minn sittax-il sena li huma residenti Malta, ukoll jistgħu jitolbu għall-awtorizzazzjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina f’residenza alternattiva.
Kull każ jiġi deċiż fuq bażi individwali imma f’dawn il-każijiet, il-persunni li jgħixu fl-istess residenza jkollhom joqogħdu fi kwarantina tul l-istess perjodu.
Tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena għandhom jippreżentaw test negattiv meta jkunu akkumpanjati minn adulti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut, filwaqt li tfal iżgħar minn ħames snin jistgħu jidħlu Malta mingħajr il-bżonn ta’ test.
Il-persuni li jintalbu jagħmlu kwarantina fil-lukandi rikonoxxuti mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, se jintalbu jħallsu mitt ewro għal kull lejl, għal kull kamra.
Dan il-prezz jinkludi kolazzjon li jisserva fil-kamra stess.
Spejjeż addizzjonali għandhom jitħallsu mill-persuna li tkun qiegħda fi kwarantina.