Il-President ta’ Malta Dr George Vella qal li se jkun qed jaħtar erba’ Maġistrati ġodda wara li saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis.
L-erba’ Maġistrati l-ġodda huma; Dr Noel Bartolo, Dr Leonard Caruana, Dr Lara Lanfranco u Dr Elaine Mercieca.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-President qal li daħlu 28 espressjoni ta’ interess għand il-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura.
Tmien kandidati oħra kienu kkunsidrati idonji għall-ħatra ta’ Maġistrat.
Dawn huma; Dr Abigail Critien, Dr Ilona Debono, Dr Joseph Gatt, Dr Jean Paul Grech, Dr Maria Karlsson, Dr Elizabeth Quintano, Dr Nadia Helena Vella u Dr Claudio Zammit.
Waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Fil-fatt għall-ewwel darba fl-istorja, il-proċess ta’ ħatra ta’ ġudikanti ġodda kien wieħed indipendenti mill-Gvern u tmexxa b’mod trasparenti mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef.
Dan il-Kumitat skrutinja l-applikanti u ssuġġerixxa lista tal-aktar kandidati idonji lill-President ta’ Malta u dan għażel min minnhom għandu jinħatar bħala Maġistrat.
Dawn il-Maġistrati il-ġodda mistennija jieħdu l-ġurament tal-ħatra propju ftit tal-ġimgħat wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li Malta ma kisritx il-liġi fil-ħatriet tal-ġudikanti.
Minkejja li l-Prim Ministru reħa l-poter minn idu u s-sistema m’għadiex kif kienet qabel, anki taħt amministrazzjonijiet preċedenti, fejn il-Prim Ministru kien jaqbad u jagħżel hu lil min jaħtar ġudikant, il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja rrimarkat li l-Prim Ministru jista’ jkollu l-poter li jaħtar ġudikant.
Dan minkejja li f’Malta mhux il-każ, riżultat tar-riformi li wettaq il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Ftit tal-ġimgħat ilu wkoll, il-President ta’ Malta ħatar erba’ Imħallfin ġodda bl-istess proċess ta’ sejħa pubblika.
Intant b’rabta mal-ħatra tal-erba’ Maġistrati ġodda, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis innota t-tisħiħ fuq il-bank tal-ġudikatura.
Fuq Twitter Dr Zammit Lewis qal li l-Gvern se jibqa’ impenjat u determinat li jsaħħaħ is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna filwaqt li jassigura ġustizzja aċċessibbli u effiċjenti.