Il-Gvern ippubblika s-sitt atti li fl-aħħar jiem għaddew b’mod storiku u unanimu mill-Kamra tad-Deputati.
Dawn se jbiddlu fost l-oħrajn kif jinħatar il-President tar-Repubblika, il-mod kif jinħatru u kif jitneħħew il-membri tal-ġudikatura, tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Ombudsman biex issa ġie mnaqqax fil-Kostituzzjoni; u għall-provediment ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Fil-Parlament kien hemm ukoll qbil unanimu dwar l-att li jitratta emendi għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-korruzzjoni.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja qal li dan kollu kien frott djalogu strutturat mal-Kummissjoni Venezja, tant li f’Ġunju li għadda din tat rapport eċċellenti lill-gvern dwar dan.
Dan kollu wassal għal proċess leġiżlattiv fil-Kamra tad-Deputati u għal proċess ta’ djalogu anke mal-Oppożizzjoni, u fil-fatt kien hemm qbil unanimu f’dawn il-liġijiet.
Il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti se twassal biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ ismu mhux biss fuq livell Ewropew iżda anke fuq livell internazzjonali.
Il-Gvern temm jgħid li b’hekk, qed juri ċar li Malta hi nazzjon li fih hemm demokrazija effettiva b’rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba.
L-atti jistgħu jinstabu billi wieħed jaċċessa din il-link https://legislation.mt/Acts