Ġew ippubblikati numru ta’ prinċipji għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita għal persuni b’mard terminali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg spjegat kif il-Gvern irid jisma’ u jikkunsidra lil kulħadd matul din il-konsultazzjoni sensittiva, li trid issir fil-kuntest ta’ realtajiet ta’ tbatijiet insapportabbli li m’hemmx fejqan ghalihom.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li bi tħejjija għal din il-konsultazzioni pubblika, inħatar kumitat tekniku kompost minn professjonisti mediċi u legali li ħa inkonsiderazzioni l-aktar prattiċi etiċi tal-pajjiżi li għandhom liġijiet dwar l-ewtanasja u fassal dawn il-prinċipji u salvagwardji stretti biex joffri bażi għall-konsultazzjoni serja u matura.
Il-prinċipji fid-dokument jipprovdu fost oħrajn li l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tintalab biss minn persuni li għalqu 18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b’marda terminali li medikament tkun ġiet iċċertifikata li ser itemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur.
Id-dokument jgħid li I-anzjanità, id-diżabilità u kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex persuna titlob I-ewtanasja volontarja assistita.
Fost id-diversi salvagwardji proposti hemm li ser ikun meqjus bhala reat kriminali li persuna tħajjar jew iġġiegħel lil xi persuna biex titlob I-ewtanasja volontarja assistita.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kompliet tispjega li d-dokument jipprovdi numru ta’ salvagwardji fosthom l-obbligu tat-tim mediku li jispjega lil persuna b’marda terminali s-servizzi tal-kura paljattiva li l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tiegħu.
Hija spjegat li qed ikun propost li t-talba ghall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss mill-persuna li tkun qiegħda tbati mill-kundizzjoni terminali u għandu jkollha tliet ċertifikati mediċi fosthom ta’ psikjatra.
Intqal li wara li dawk il-kriterji jiġu milqugħa, qiegħed ikun propost ukoll skrutinju rigoruż u strett minn bord regolatorju mmexxi minn eks-ġudikant li jrid jagħti I-approvazzioni finali wara perjodu ta’ riflessoni. Fi kwalunkwe ħin, il-persuna li tkun talbet l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha.
Il-membri tal-professjoni medika b’oġġezzjoni tal-kuxjenza għandhom dritt li ma jipparteċipawx fil-proċess li jwassal għall-ewtanasja volontarja assistita jekk il-pazjent fil-kura tagħhom jitlob dan. Madankollu huma obbligati li meta għandhom persuna li minn titlob I-ewtanasja volontarja assistita jirreferu lil din il-persuna lil professjonisti oħra.
Bħala parti minn din il-konsultazzioni pubblika, qed ikun propost id-dritt li persuna tagħmel testment mediku. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li din ma tagħtix dritt li persuna titlob I-ewtanasja volontarja assistita jekk ma jkunx hemm il-kriterji tal-eliġġibiltà.
Din il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-2 ta’ Lulju li ġej u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi I-kummenti tiegħu fuq is-sit fuq www.facts.gov.mt jew fit-tliet laqgħat tal-komunità li ser isiru fil-Fgura, fil-Mosta u f’Għawdex.
