It-Tlieta filgħaxija fil-Parlament, meta kompla d-dibattitu dwar il-linja nazzjonali l-ġdida tal-ajru, il-Ministru Clyde Caruana poġġa diversi dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra li juru l-affarijiet tul is-snin li wasslu biex l-Air Malta tispiċċa fl-istat li hi llum.
Il-Ministru żvela kif fl-elfejn u tlieta, u fis-snin ta’ wara, il-pagi taċ-Chairman u tal-Kap Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien flimkien, kienu jgħoddu għal nofs miljun ewro.
Qal, “Iċ-Chairman u s-CEO ta’ dak iż-żmien, flimkien, kienu jitħallsu nofs miljun ewro. Dak iż-żmien, għoxrin sena ilu, fil-flus tal-lum jiġu seba’ mitt elf ewro. Fl-elfejn u tlieta, fl-elfejn u erbgħa u fl-elfejn u ħamsa. Dak ma kienx biżżejjed. Fl-elfejn u ħdax, erġajna rajna n-nies bin-nofs miljuni.”
Il-Ministru Caruana semma wkoll kif fl-elfejn u sebgħa u fl-elfejn u tmienja ġew iffirmati żewġ ftehimiet li b’miżura waħda tal-iskemi tal-irtirar, għabbew lill-kumpanija mad-disgħin miljun ewro.
B’differenza, dan il-Gvern kellu l-kuraġġ jieħu d-deċiżjoni li ħa fl-aħħar sigħat biex joħloq kumpanija tal-ajru sostenibbli li tilħaq l-għanijiet tagħha u tagħmel il-profitti, billi timplimenta pjan li għal snin twal ingħata l-ġenb, iżda li se jitwettaq minn din l-amministrazzjoni.
Qal, “Inħares ’il quddiem biex dan il-pjan tagħna nimplimentawh ħalli dak li sena wara l-oħra, għal snin sħaħ, ma ġiex imwettaq, iva, din l-amministrazzjoni tkun tista’ tagħmlu għall-ġid tal-pajjiż, għall-ġid tan-nies, għall-ġid tal-kumpanija, u fl-aħħar u mhux l-inqas, għall-ġid tal-ħaddiema.”
Tul dan id-dibattitu Parlamentari, tkellmu diversi deputati.
Fost l-oħrajn, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett innota kif, minflok diskussjoni serja u matura, il-membri tal-Oppożizzjoni kellhom biss messaġġi partiġġjani.
Innota kif wara snin ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti jitfgħu l-problemi taħt it-tapit, fosthom taħt it-tmexxija ta’ Fenech Adami u Gonzi, ġie l-Gvern ta’ Robert Abela lest biex jindirizzahom.
Id-Deputat Omar Farrugia nnota kif kellu jkun Gvern Laburista li jieħu azzjoni biex jindirizza l-isfidi preżenti, u elenka għaxar raġunijiet li, skontu, wasslu għall-istat tal-Air Malta llum.
Fost dawn, semma d-deċiżjonijiet strateġiċi żbaljati fuq medda ta’ snin, in-nuqqas ta’ inċentiv biex tagħmel profitt, is-suq Ewropew, li huwa l-aktar kompetittiv u ddominat minn linji tal-ajru low-cost, il-privatizzazzjoni tal-ajruport, l-iskemi tal-irtirar kmieni u l-klijenteliżmu politiku.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Alex Muscat innota kif il-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibbiltà jitkellem fuq is-suġġett u saħaq li qed iħares ’il quddiem għal Air Malta ġdida, aktar vijabbli ekonomikament.