Malta Repubblika: Id-Dibattiti Parlamentari, huwa ktieb ġdid bid-Dibattiti Parlamentari li wasslu biex Malta saret Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974. Dak inhar il-maġġoranza l-kbira tar-Rappreżentanti tal-poplu vvotaw favur il-Kostituzzjoni tar-Repubblika. Iż-żewġ partiti kienu ilhom sena u nofs f’laqgħat fil-magħluq bir-rappreżentanti tal-partiti jipprovaw jsibu kompromess dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida.
Il-Partit Laburista ried li l-Kostituzzjoni Repubblikana tkun dar komuni għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għalhekk ħadem biex iż-żewġ partiti jibnu din id-dar komuni flimkien.
Bejn it-3 u t-13 ta’ Diċembru tal-1974 saru sitt seduti Parlamentari li matulhom ġiet diskussa l-Kostituzzjoni tar-Repubblika. Maġġoranza kbira tal-Parlament ivvotat għal Malta Repubblika. Minn 55 Deputat Parlamentari, sitta biss ivvotaw kontra, inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-ktieb jinkludi Studju dwar il-Kostituzzjonijiet ta’ Malta (1921-1974) ta’ Prof. Raymond Mangion illustrat b’ritratti tal-għoti tal-Kostituzzjonijiet tal-1921,1939, 1947, 1964 u 1974. Prof. Mangion se jkun preżenti nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bejn 10am u nofsinhar biex jiffirma kopji tal-ktieb. Dak inhar il-ktieb jinbigħ bil-Pre-Publication Price ta’ €10. Mill-14 ta’ Diċembru jinbigħ €25.00 miill-Ħwienet tal-kotba. Il-ktieb ġie ippubblikat minn SKS.