Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġie ppreżentat bir-rapport tal-inkjesta indipendenti, li tmexxiet mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano taħt l-Att dwar l-Inkjesti, li kienet tikkonċerna s-servizzi ta’ natura soċjali li ngħatat Nicolette Ghirxi.
Nicholette Ghirxi ta’ 48 sena nqatlet mill-eks sieħeb tagħha, l-Irlandiż Edward William Johnston ta’ 50 sena, fl-appartament tagħha fis-Swatar fit-12 ta’ Awwissu li għadda.
Fi stqarrija ntqal kif, fl-aħħar ġranet, il-Ministeru ppreżenta dan l-istess rapport fl-intier tiegħu lill-familja ta’ Ghirxi u bi qbil ġew ippubblikati r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-istess rapport konklussiv.
Il-Ministeru qal kif jibqa’ dejjem kommess li s-servizzi soċjali kollha offruti f’pajjiżna jiġu dejjem imtejba.
Fost it-12-il rakkomandazzjoni li ħarġu minn din l-inkjesta indipendenti hemm kif għandu jkun preżunt li r-risk assessment għandu jsir minn kull min imur jilmenta, fejn innota li numru kbir ta’ nies jagħżlu li ma jagħmluhx. Għal dan tenna li jkun aħjar li jsir waqt li titħalla l-għażla tal-opt out.
Rakkomandazzjoni oħra tgħid li għandu jkun hemm numru ħafif tat-telefown bi tliet figuri li jkollu pubbliċità kbira fuq il-mexxi tax-xandir u tal-istampa, waqt li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali għandu jibda jagħmel kampanji ta’ għarfien li jġegħlu lil dak li jkun jintebaħ bil-periklu li jkun għaddej minnu u fejn għandu jmur għall-għajnuna.
Ġie nnotat kif f’Malta diġà għandna s-servizz STOP li jintuża għall-aggressuri u ntqal li, jekk hemm bżonn, dan jespandi u jinkludi fih psikjatri u psikologi li jistgħu jgħinu biex titrażżan dik il-vjolenza li titnissel minn rabja.
Ġew irrakkomandat ukoll lezzjonijiet apposta fir-raba’ u l-ħames klassi tas-Sekondarja li fihom issir enfasi fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li ħadd m’għandu dritt jerfa’ idejh fuq ħaddieħor.
L-Inkjesta Quintano tgħid ukoll kif l-ordnijiet ta’ protezzjoni għandhom joħorġu malajr kemm jista’ jkun mill-Maġistrati tal-Għassa u li dawn jeħtieġ jiżdiedu u, sakemm isir dan, il-kawżi pendenti u li għadhom ma bdewx jinstemgħu jitqassmu bejn kulħadd.
Saħaq li jkun tajjeb li jingħata taħriġ lill-ġudikanti permezz ta’ seminar biex kulħadd ikun jaf aktar dwar dan is-suġġett.
Mara li hi tqila u qed tkun mhedda li jekk ma twaqqafx it-tqala se ssirilha offiża gravi jew li tinqatel għandha tingħata l-għajnuna mill-ewwel u jekk hemm bżonn jinstabilha post għaliha u għat-tfal minorenni f’xelter.
L-inkjesta tikkonkludi wkoll li l-irġiel għandhom id-dritt li jkollhom l-istess protezzjoni meta jressqu ilmenti tagħhom u dan skont ma jitlob l-Artiklu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li ma jippermettix diskriminazzjoni abbażi ta’ sess.
Jingħad li għandu jinħatar kumitat li jżomm taħt għajnejh fuq l-iżviluppi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam u li fih jista’ jkun hemm persuna li tirrappreżenta lill-Pulizija, oħra lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u oħra lill-amministrazzjoni tal-Qorti.
Tali kumitat ikun jista’ jara jekk żdidux it-talbiet għall-għajnuna, jekk żdidux il-kawżi fil-Qorti, x’miżuri jistgħu jittieħdu u jistudja miżuri ġodda li qed jittieħdu f’pajjiżi oħrajn u li jistgħu jkunu applikati hawn Malta.
Sadanittant, inkjesta oħra minn Bord Indipendenti għall-Ilmenti tal-Pulizija, ippresedut mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, kienet sabet li ma kien hemm l-ebda nuqqas min-naħa tal-Pulizija li seta’ wassal biex id-delitt jiġi evitat.