Kif kien imwiegħed, ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti biex isir ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tad-dar tal-anzjani f’Bormla.
Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, fejn ġie spjegat li l-għan hu li r-residenza l-ġdida fil-Kottonera, tkun tal-ogħla livell, kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Gvern ‘Malta Flimkien’.
Is-sena li għaddiet kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-anzjani, li kienu qed jgħixu fid-dar, jiġu rikolkati biex titħares saħħithom u s-sigurtà tagħhom, hekk kif rapport li kien ħareġ wera li r-residenza tinsab fi stat ta’ periklu, b’bosta nuqqasijiet li ma setgħux jiġu solvuti b’soluzzjonijiet kożmetiċi.
Minnufih, kompla x-xogħol biex titħejja sejħa għall-offerti, li tkun bażi biex eventwalment isir dan il-proġett għall-anzjani, li se jħares mhux biss il-kwalità tal-ħajja tagħhom, iżda wkoll l-aspett ambjentali.
Is-sejħa għall-offerti qed tirrikjedi li din id-dar tinbena bi standards għoljin favur aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, waqt li tingħata wkoll importanza lill-estetika tal-binja li tkun waħda li żżid il-valur taż-żona.
B’rabta ma’ dan il-proġett, kelliema għall-Oppożizzjoni, kienu saħansitra gidbu u qalu li l-Gvern Laburista ried joħroġ l-anzjani minn ġo fiha biex, minflok, jibni lukanda – xi ħaġa li ma kienet qatt fil-pjani ta’ dan il-Gvern.
Fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, kien spjega li saħansitra, kienu gidbu, u qalu li l-anzjani mhux se jingħataw aktar ħrieqi, filwaqt li minflok tliet ikliet f’ġurnata, kien se jkollhom waħda biss.
Iktar dettalji jinstabu fuq https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=10896985.