Il-Gvern ippubblika l-proklama li ngħatat ilbieraħ lis-Sur Vincent Muscat mill-President tar-Repubblika b’rabta mal-investigazzjonjiet li qegħdin isiru mill-Pulizija fuq l-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fit-8 ta’ Ottubru tal-2015.
Fost il-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti tal-maħfra Presidenzjali hemm li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu irid jgħid l-istorja veritiera kollha mill-bidu sal-aħħar dwar il-qtil ta’ Chircop.
Il-Koħħu hu marbut li jagħti l-identità preċiża tal-mandant tad-delitt u anki dik tal-eżekutur tal-qtil tal-Avukat.
Fost dettalji oħra li Muscat irid jgħaddi huwa l-ammont ta’ flus li huwa rċieva mingħand nies involuti fil-qtil ta’ Chircop, li seħħ f’kumpless tal-garaxxijiet f’Birkarkara.
Skont il-kundizzjonijiet tal-proklama, l-ammont ta’ flus li ħa għall-qtil ta’ Chircop irid jiġi konfiskat filwaqt li jekk huwa ma jixhidx u ma jgħidx is-sewwa, il-proklama tiġi rtirata.
Il-Kabinett kien irrakkomanda li Vince Muscat jingħata l-maħfra fuq il-qtil tal-Avukat Chircop fuq parir tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Dan hekk kif il-Koħħu offra li jikkopera f’din l-investigazzjoni dwar omiċidju ta’ sitt snin ilu, li baqa’ mhux solvut.
F’Ottubru tal-2015, l-Avukat Chircop inqatel filgħodu b’erba’ tiri sparati b’arma tan-nar.
It-Tlieta filgħaxija l-pulizija kkonfermat l-arrest ta’ tliet persuni li qed jgħinu fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Tnejn minn dawn it-tliet persuni qed jgħinu wkoll fl-istħarriġ marbut mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-arresti twettqu f’żewġ operazzjonijiet konġunti fil-Baħrija, fejn ġew arrestati żewġt irġiel u fis-Swieqi ġiet arrestata persuna oħra.
Fl-istess jum, Vince Muscat il-Koħħu ġie kkundannat ħmistax-il sena ħabs wara li ammetta bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.