Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippubblika l-lista tal-kotba eliġibbli li ġew sottomessi għall-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2022, b’kotba ppubblikati fl-2021.
Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-ogħla Premju letterarju mogħti lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi, u illustraturi ta’ kotba b’ISBN lokali.
It-tmien kategoriji fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti huma: Rumanzi, Novelli, Poeżija, Drama, Letteratura mhux Fittizja, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika. Is-sitt kategoriji tat-Terramaxka huma: Xogħlijiet Oriġinali għal Tfal ta’ bejn 0–7, 8–12 u Letteratura għaż-Żgħażagħ, kif ukoll Xogħlijiet Maqluba għall-Malti għal Tfal ta’ bejn 0–7, 8–12, u Letteratura għaż-Żgħażagħ tradotta.
B’kollox kien hemm rekord ta’ 199 sottomissjoni eliġibbli: 107 mqassmin fit-tmien kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti, u 92 imqassmin fis-sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka.