Ġiet ippubblikata l-ittra ta’ riżenja mibgħuta mill-Avukat Ġenerali Dr. Peter Grech lill-President ta’ Malta, George Vella fil-15 t’Awwissu 2020.
F’din l-ittra, Dr. Grech, li sostna li se jkun qed iħalli l-kariga fid-9 ta’ Settembru li ġej, spjega li d-deċiżjoni li ħa ma kinitx waħda faċli wara li ħadem b’tant dedikazzjoni u lealtà lejn pajjiżu fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal aktar minn 37 sena.
Dr. Grech qal li ddispjaċih għal mod kif ġie stmat fid-dibattitu pubbliku u jħoss li xi drabi saru argumenti inġusti fil-konfront tiegħu u ngħataw perċezzjonijiet foloz.
Qal li l-kariga tiegħu u s-sens ta’ dinjità kienu ħafna drabi jimpedexxuh milli jirrispondi.
“Sfortunatament il-fatt li ġieli ma rribattejtx għal diversi akkużi li saru fil-konfront tiegħi seta’ ġie interpretat bħala aċċettazzjoni ta’ dak li ntqal dwari u partikolarment dwar il-qadi ta’ dmirijieti bħala Avukat Ġenerali”, saħaq Dr. Grech.
F’dan il-kuntest qal li dan mhux il-każ u sostna li l-attakki u l-interpretazzjonijiet mgħawwġin fuqu ma waqqfuhx milli jaqdi dmiru fedelment bħala Avukat Ġenerali.
Spjega kif fl-aħħar sentejn, għall-għarrieda ġie affaċċjat bi problemi ta’ saħħa li setgħet ukoll kienet relatata max-xogħol stressanti tiegħu.
Qal li wara qatt ma mexa fuq il-prinċipju li saħħtu tiġi l-ewwel, issa jrid joqgħod attent li ma jaggravax il-kundizzjoni ta’ saħħtu.
Huwa sellem lill-President tar-Repubblika u s-seba’ predeċessuri tiegħu, lis-seba’ Prim Ministri u l-għaxar Ministri għall-Ġustizzja li lkoll ħadem magħhom.
Intant l-Avukat Ġenerali li jmiss se jkun qed jinħataw wara sejħa pubblika.
Dan wara riformi bla preċedent li wettaq fl-aħħar xhur il-Gvern favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
ARA: L-ittra ta’ riżenja tal-Avukat Ġenerali
https://www.one.com.mt/2020/08/17/tinhatar-kummissjoni-ghall-hatra-li-se-taghzel-l-avukat-generali-l-gdid-wara-sejha-pubblika/