Wara xhur ta’ ħidma u konsultazzjoni, illum ġiet ippubblikata l-Istrateġija għall-Belt Valletta, li tindirizza l-isfidi tal-belt kapitali b’mod kordinat filwaqt li tlaqqa’ flimkien il-ħtiġijiet tal-belt ma’ dawk tar-residenti, in-negozji u dawk kollha li jżuruha jew jaħdmu fiha.
L-istrateġija kienet ġiet varata f’Ġunju li għadda mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar. Mat-tnedija, kienet infetħet konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq sitt ġimgħat. F’dan il-perjodu, anke permezz ta’ laqgħa mal-pubbliku, kulħadd kellu l-opportunità jaqsam ħsibijietu dwar il-Belt Valletta u dak li hemm bżonn isir biex tkun belt ħajja, min-nies għan-nies.
Saru wkoll laqgħat mal-istakeholders ewlenin, għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji biex tiġi assigurata strateġija b’saħħitha.
Il-bżonn ta’ din l-istrateġija kien ilu jinħass u l-Amminisrazzjoni kienet ilha tirċievi proposti li jikkonċernaw il-Belt u kif il-pubbliku jixtieq jaraha. Għalhekk numru ta’ entitajiet, fosthom il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Valletta 2018, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ġabru dawn il-proposti fi pjan ta’ azzjoni wieħed wara li saret konsultazzjoni preliminari ma’ persuni minn diversi oqsma.
L-istrateġija hija msejsa fuq viżjoni waħda u fit-tul, li tlaqqa’ flimkien it-trattament denju li jistħoqqilha belt kapitali ta’ livell ta’ wirt dinji tal-UNESCO, man-neċessitajiet ta’ dawk li jgħixu fiha, dawk li jmexxu negozju fiha, u dawk li jżuruha għal xogħol, xiri jew divertiment. Il-qofol tal-istrateġija huwa l-fatt li l-ħidma b’risq il-Belt Valletta issa qed issir b’mod kordinat u kollettiv, u mhux kulħadd jaħdem għal rasu.
L-istrateġija ser twassal għal riġenerazzjoni soċjali biex tinkoraġġixxi lin-nies imorru joqogħdu l-Belt, fid-dawl tal-fatt li llum il-belt kapitali hija attiva ħafna fil-kummerċ iżda għandha popolazzjoni li qiegħda dejjem tonqos u numru kbir ta’ proprjetajiet li huma mikrijin jew abbandunati.
L-istrateġija tittratta żoni differenti tal-Belt Valletta, inklużi dawk fil-periferija, bil-għan li l-bżonnijiet ta’ kull żona jiġu indirizzati fl-ambitu ta’ strateġija waħda. Tinkorpora wkoll bosta proposti dwar oqsma bħall-proprjetà fil-Belt, l-aktar inħawi bi ħtieġa urġenti ta’ riġenerazzjoni, it-trasport u l-immaniġġar.