Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi qal li rċieva r-rapport tal-inkjesta li nħatret fi 12 ta’ Awissu li għadda biex tistabbilixxi l-fatti f’każ fejn priġunier inħeles mill-Faċilità Korettiva ta’ Kordin meta suppost kien qed jinżamm taħt arrest preventiv.
Fl-inkjesta ġie konkluż li kien żball sfortunat mill-uffiċjali tal-ħabs li l-priġunier inħeles.
Ġie spjegat li l-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest tal-imputat in camera.
Il-bord ta’ inkjesta mmexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ssuġġerixxa li l-uffiċjali tal-ħabs iżommu file wieħed għal kull priġunier u f’kas ta’ każijiet pendenti oħra li l-istess priġunier ikollu biex jinżamm arrestat, dawn jidhru mal-ewwel fil-istess file.
Il-Ministeru għall-Intern talab lit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi biex timplimenta r-rakkomandazzjoni li qiegħda ssir.