Inkjesta indipendenti dwar inċident li seħħ fl-inkubatur tal-embrijuni fil-laboratorju tal-IVF f’Jannar tas-sena li għaddiet ikkonkludiet li l-apparat mar fuq stand by mode u b’hekk ipperikola s-sitwazzjoni tal-embrijuni li kienu jinstabu ġewwa fih. Ir-rapport ikkonkluda wkoll li l-apparat kien jaħdem tajjeb u baqa’ jaħdem tajjeb matul l-inkjesta.Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru, u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi stqarrija Ministerjali llejla fil-Parlament. Huwa qal li l-inkjesta kkonkludiet ukoll li kien hemm intervent uman li wassal għal dan l-inċident, waqt li ġie rakkomandat li jiġu installati cameras tas-CCTV mal-inkubatur, sistema tal-alarms, u aċċess eħfef għall-inkubatur mil-laboratorju.
Dan waqt li ntqal li l-apparat huwa fi stat kundizzjonali tajjeb, u persuni tekniċi indipendenti qalu li jista’ jibqa’ jintuża.
Dr Fearne qal li diġà twaħħlu l-kameras fuq il-post, u li nfetaħ iktar l-aċċess, kif ġie rakkomandat.
Minħabba l-fatt li l-ebda embrijun minn dawk involuti fl-inċident tal-inkubatur ma sarx tarbija, Dr Fearne ħabbar li tim kliniku mill-Isptar Mater Dei ltaqa’ ma’ kull koppja li ħadu dawn l-embrijuni. Wara li ġiet spjegata s-sitwazzjoni, ġie offrut ċiklu ieħor ta’ IVF mingħajr ħlas għall-koppji kollha.