L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, ippubblikaw Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq għall-binja ġdida għall-Qorti ta’ Għawdex. L-għan ta’ din il-konsultazzjoni hi li l-aġenzija tirċievi proposti u informazzjoni fuq proprjetà, kemm art u anke bini, fir-Rabat, Għawdex, jew fil-viċinanzi, biex tiġi konvertita f’qorti moderna.
Fi stqarija maħruġa mill-Gvern intqal li fl-aħħar snin, il-każijiet fil-Qorti ta’ Għawdex żdiedu u l-funzjonijiet u l-operat ta’ kuljum tal-qorti saru aktar kumplessi. Għaldaqstant deher evidenti li l-bini eżistenti ma għadux meqjus bħala adegwat biex jospita l-Qrati ta’ Għawdex.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li dan huwa pass importanti biex ikun identifikat sit ġdid u aktar adattat sabiex jospita fih il-Qorti ta’ Għawdex. Din il-binja tkun toffri l-aqwa riżorsi kemm għall-avukati kif ukoll għan-nies li jiġu bżonn is-servizzi tal-ġustizzja. Din tkun tinkorpora wkoll reġistru tal-qrati tal-aqwa livell fil-preżentazzjoni tal-atti, kemm ċivili u anki kriminali.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-pass qed isir sabiex jiġi identifikat sit li jista’ jakkomoda fih Qorti ġdida. Huwa qal li “Flimkien wasalna għal dan il-pass għaliex hemm kunsens li wasal iż-żmien li l-Qorti timxi f’post aktar modern u li jaqdi l-bżonnijiet tal-lum u tal-ġejjieni.” Il-ministru ħeġġeġ lill-pubbliku, lill-entitajiet, lill-għaqdiet, u lil kull min huwa interessat sabiex jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Is-sottomissjonijiet għandhom isiru onlajn fuq is-sistema ePPS sas-6 ta’ Jannar 2023, fid-9:30 ta’ filgħodu. L-ebda applikazzjoni sottomessa tard mhi se tiġi kkunsidrata.