Il-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità (MFOPD) għadha kemm ippubblikat studju li jittratta s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna fejn tidħol l-assistenza personali lil persuni b’diżabilità.
L-istudju, li sar minn Dr Lara Bezzina, li ilha taħdem fil-qasam tad-diżabilità għal aktar minn 18-il sena, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, hu konformi mal-ħidma li għaddejja bħalissa dwar ir-riforma tal-iskema tal-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilità li qed titmexxa minn Aġenzija Sapport.
Din ir-riforma hi miżura tal-manifest elettorali tal-Gvern u li dwarha bħalissa hemm fis-seħħ perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-pjan propost jinkludi l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ diversi msieħba soċjali, inkluż il-persuni b’diżabilità infushom, professjonisti u esperti ewlenin mis-settur tad-diżabilità, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u barranin, fosthom il-European Network on Independent Living.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li l-pubblikazzjoni tal-istudju wasal f’punt ideali għax hu parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li pajjiżna qiegħed jagħmel fuq il-riforma għall-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilià.
“Li ikollok riċerka ta’ dan it-tip, wieħed jara bħala ta’ għajnuna għal meta jkun qiegħed jitfassal leġiżlazzjoni tkun imsejsa fuq fatti u anke fuq dak li settur ikun jixtieq jew qiegħed jissuġġerixxi.”
Julia Farrugia Portelli – Ministru
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma mnedija mill-Gvern tagħlaq fit-30 ta’ Novembru li ġej.