Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ippubblika rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li fih ma sabx ħati li d-Deputat Michael Farrugia gideb meta wieġeb lill-ġurnalist tat-Times.
Il-każ kien jittratta d-direzzjoni politika li ta Michael Farrugia biex is-sit tal-Imrieħel, li fi żmien Gvern Nazzjonalista kien ġie dikjarat bħala ċentru ta’ impjiegi, ikun inkluż għal high rise.
Dan wara laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech.
Iżda fl-investigazzjoni li għamel il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ingħad b’mod ċar li anki minn xhieda u dokumentazzjoni, Michael Farrugia ma ddiskutiex il-highrise fil-laqgħa msemmija.
Hawn ġie nnutat li Michael Farrugia la gideb u wisq iżjed ma bidel il-verżjoni tiegħu għall-ilment li qajjem Arnold Cassola.
Il-Kummissarju għall-Istandards imbagħad innota li Farrugia kellu jagħti informazzjoni korretta dwar id-deċiżjoni tal-high rise kif ittieħdet.
Farrugia kien innota mal-Kummissarju li hawn kien qed iwieġeb fuq xi ħaġa ta’ sitt snin wara.
Id-deċiżjoni inkwistjoni dwar il-high rise fl-Imrieħel għall-bini ta’ The Quad Central kienet ittieħdet mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar b’deċiżjoni unanima tant li anki l-membru tal-Oppożizzjoni fil-bord, jiġifieri Ryan Callus, kien approvaha.
F’ittra li bagħat lill-Ispeaker, Michael Farrugia sostna li huwa m’għandu ebda oġġezzjoni għal pubblikazzjoni tar-rapport għax jemmen bis-sħiħ bit-trasparenza. Huwa saħaq li huwa ma qabilx ma’ parti mir-rapport, bid-deputat Laburista sostna li lest jagħti x-xhieda tiegħu quddiem dan il-kumitat.