Tul is-sena l-oħra, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ppubblika 19-il rapport t’awditjar.
Dan huwa l-iktar ammont ta’ rapport ippubblikati f’sena sħiħa mill-istess Uffiċċju sa mill-2009.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Uffiċċju għas-sena 2020 li ġie ppubblikat waqt żjara li għamel l-Ispeaker tal-kamra tar-rappreżentanti Anġlu Farrugia, fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Sa mill-2009 n-numru ta rapport t’awditjar żdied b’mod konsistenti bl-inqas numru ta’ rapporti ppubblikati f’sena waħda ikun dak ta’ disgħa fl-2010.
Is-sena 2020 kienet sena li fiha l-Uffiċċju ra l-ikbar grupp ta’ ħaddiema impjegati miegħu b’total medju ta’ 64 ħaddiem.
Żieda ta’ disa’ ħaddiema fuq l-inqas medja mill-2009.
Ir-rapport juri wkoll kif il-flus allokati għall-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali wkoll komplew jiżdiedu hekk kif kien hemm żieda ta’ 300,000 ewro oħra mis-sena 2019.
Dan ifisser li n-nefqa aktar milli rduppjat meta mqabbel mal-2009.
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara spjega kif dan l-Uffiċċju kompla jiffunzjona b’mod tajjeb ħafna anke fi żmien pandemija.
Huwa sostna: “Hawnhekk għandna tim magħqud tajjeb ħafna, għandna impjegati professjonali u tajbin u ta’ ħidma u commitment qawwi u għandna programm ambizzjuż ħafna biex naqdu l-poplu Malti. Kif hemm fil-kostituzzjoni d-dover tagħna huwa biex permezz tax-xogħol tagħna tittejjeb dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku.”