- L-Air Malta mhix se tkun feeder airline
- Il-Gvern Malti jibqa’ jżomm kontroll
- L-isem jibqa’ mhux mittiefes
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis poġġa fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Memorandum of Understanding iffirmat bejn l-Airmalta u l-Gvern Malti u l-kumpanija tal-linja tal-ajru Alitalia.
“Dan hekk kif ħabbart u wgħedt fis-27 ta’ April li għadda quddiem din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż,” qal il-Ministru Zammit Lewis.
Fil-Parlament Zammit Lewis reġa’ tenna li dan huwa biss l-ewwel pass sabiex l-Airmalta jkollha sieħeb strateġiku.
“Għad baqa’ triq twila ta’ xogħol u li fiha rridu nieħdu d-deċiżjoniet, propju għaliex l-Airmalta hija importanti, anżi kruċjali għal futur tal-industrija tat-turiżmu u għall-pajjiż in ġenerali,” qal il-Ministru.
Żied li kwalunkwe partnership irid ikollu viżjoni t’Airmalta li tikber, tkabbar il-market share tagħha, li issir kummerċjalment vijabbli, li tagħmel lil linja nazzjonali aktar relevanti fir-reġjun u li grazzi għal dawn il-kriterji kollha toffri servizz aħjar lill-passiġġieri tagħna.
“U allura jista’ jserraħ moħħu kulħadd li l-Airmalta mhijiex ser issir feeder airline,” qal ċar u tond Zammit Lewis li reġa’ tenna li l-gvern se jibqa’ fil-kontroll tal-Airmalta.
Dwar il-ħaddiema Zammit Lewis jistgħu jittieħdu biss wara li jkun lest il-business plan għaliex dawn ikunu jiddependu minn numru ta’ rottot li ser inkunu qed inservu, numru ta’ ajruplani li ser ikollna etc.
“Pero ir-regola ġenerali hija li l-Gvern huwa kommess li jkabbar din l-airline u li l-ħaddiema ikollhom futur,” qal il-Ministru.
Diversi vantaġġi
Zammit Lewis qal li jekk dan il-proċess jintemm b’suċċess, l-Airmalta ser tkun qed tgawdi minn diversi vantaġġi ekonomiċi li l-ebda ‘point-to-point’, ‘stand alone airline’ ma jista’ takkwista.
Fost dawn il-vantaġġi nsibu hemm li “jkun stabbilit network estensiv, parti minn familja ta’ Etihad Airways Partners u mhux ‘stand alone’ bħal lum.”
Qal li se jkun hemm Economies of Scale fejn għandu x’jaqsam ma’ xiri, distribuzzjoni u loġistika u Xiri konġunt u sinerġiji oħrajn li se jtejbu l-profitabilita’ u t-tkabbir. “Dan iwassal għal airline aktar kompetittiva u li tkun tista traħħas il-prezzijiet, li bihom igawdi anke l-konsumatur Malti,” qal Zammit Lewis.
Kundizzjonijiet
Il-Ministru Zammit Lewis qal li dan il-ftehim iseħħ hemm numru ta’ affarijiet li huma importanti.
“Waħda minnhom ċertament li l-Airmalta ma SSIR qatt feeder airline. Ma tarax li aħna ser naċċettaw sitwazzjoni bħal dik,” qal il-Ministru.
Kompla jgħid li kundizzjonijiet oħra huma li n-numru ta’ turisti li l-Airmalta ġġor lejn Malta jikber, li jkun hemm pjan biex il-flotta tikber, idealment mill-ewwel sena, li jkun hemm opportunitajiet għall-ħaddiema biex ikomplu l-karriera mal-Etihad Airline Partners u li l-linja tal-ajru ssir iktar kompettitiva’ u b’hekk toffri prezzijiet aħjar anke għal klijenti Maltin.
Talba oħra hi li l-konsumatur Malti li juża l-Airmalta ta’ spiss jibda jiġi premjat permezz ta’ frequent flyers program tal-Etihad Airways Partners.
“U fl-ahhar nett, li nesploraw bis-serjetà permezz ta’ din il-partnership il-possibiltaà l-Airmalta ma ssirx biss airline li ttir point-to-point għal Malta imma li tibda sservi rotot oħra,” qal il-Ministru Zammit Lewis.
https://www.youtube.com/watch?v=Bc1LFbDkxew&feature=youtu.be