‘My Residence at Pine Forest Lodge’ huwa l-isem ta’ ktieb miktub mill-Professur Victor Mallia-Milanes, li jitratta r-riflessjonijiet ta’ raġel ta’ tmenin sena, liema raġel beda jgħix waħdu wara li martu bdiet issofri mid-dimenzja.
Dan il-ktieb, għalkemm bi storja fittizja, huwa bbażat fuq realtajiet mill-ħajja tal-kittieb.
Ma’ dan l-istazzjon huwa tkellem dwar episodji ta’ solitudni li ħafna anzjani jgħaddu minnhom hekk kif il-mara jew raġel tagħhom ikollhom jiddaħlu f’dar tal-anzjani.
Tkellem dwar is-solitudni li tinħass meta anzjan jidħol f’daru vojta u lanqas ikollu persuna ma’ min jgħid kelma. Victor qalilna li s-solitudni marret għall-agħar waqt il-pandemija, meta l-visti fid-djar tal-anzjani kienu limitati ferm.
Huwa spjega lil ONE News kif tema li tispikka fil-ktieb kollu hija dik tar-rieda sabiex wieħed jegħleb kull ostaklu sabiex itejjeb id-dinja ta’ madwaru.
“Jekk hemm ir-rieda li jiġu megħluba dawn in-nuqqasijiet, tista’ ssir. It-Taljani jgħidulek “Volere potere”, jekk trid issir, ‘where there is a will there is a way.’ Kemm ġenwinament irridu li nemiljoraw is-sitwazzjoni ta’ sħabna.”
Waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb f’Casa Arkati fejn jgħix Victor, tkellmet iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia.
Hija stqarret kif dan il-ktieb huwa xempju t’anzjanità attiva, u kif ir-riflessjonijiet li hemm fl-istorja għandhom jitqiesu bħala kontribut importanti lejn is-soċjetà.
“Il-kontribut tiegħu, ir-riflessjonijiet tiegħu u l-kritika tiegħu hija importanti ħafna li tasal mal-ilħna kollha, il-vuċi tiegħu tant hi mportanti għalina li wasalna biex nippubblikaw dan il-ktieb u hemm ħafna lezzjonijiet u riflessjonijiet li jistgħu joħorġu minnu.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta, James Sciriha nnota kif ir-riflessjonijiet li hemm fil-ktieb jagħtu opportunità sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jaffaċċjaw l-anzjani.
“Aħna nħeġġu ħafna lill-anzjani biex jibqgħu attivi u dan huwa wieħed mill-aqwa modi ta’ kif nagħtu rigal lura lis-soċjetà, minn anzjan li għandu esperjenza diretta f’dar tal-anzjani, issa iswed fuq l-abjad qed jgħidilna x’inhuma d-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-anzjani ġewwa r-residenzi tagħna.”