Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-ktieb li nħareġ u li jitkellem fuq allegazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tiegħu huwa mimli gideb. Fost l-allegazzjonijiet f’ dan il-ktieb hemm li t-tifel tat-Trump kien preżenti għal-laqgħa mar-Russi. Hawn ġie kkwotat Steve Bannon l-eks-uffiċjal f’ din l-amministrazzjoni li ddeskriva din il-laqgħa bħala tradiment għal pajjiż.
Il-ktieb jirrakonta kif il-President Trump deher sorpriż meta rebaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti. B’ dawn l-allegazzjonijiet l-avukati ta’ Trump ippruvaw iwaqqfu din il-pubblikazzjoni bl-isem Fire and Fury : Inside the Trump White House miktub minn Michael Wolff. Madankollu dan l-attentat kien bla suċċess u l-ktieb mar għal bejgħ. Dan il-ktieb jinkludi mal-mitejn intervista li jekk kemm il-darba qed jgħidu l-verita jippreżentaw President paranojd u White House Kajotika.