InterConnect Malta nediet il-proċess ta’ tendering għal offerti tad-disinn u l-bini ta’ żewġ sistemi tal-ħażna tal-enerġija f’batteriji fuq skala kbira, f’sinerġija mal-miri nazzjonali fit-tul tal-enerġija nadifa u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.
Dawn is-sistemi, imsejħin BESS fil-qasir, se jassorbu l-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli u jippermettu l-ħażna tal-elettriku żejjed ġġenerat mill-fotovoltajċi f’ħinijiet meta d-domanda għall-enerġija tkun baxxa.
B’hekk, imbagħad, din l-enerġija merfugħa tkun tista’ tintuża meta d-domanda tkun aktar għolja mill-produzzjoni tal-enerġija iġġenerata mir-rinnovabbli.
Din l-inizjattiva, flimkien mal-iżvilupp tal-proġett tat-tieni interconnector, se tkun kruċjali għall-mira ta’ Malta għat-tranżizzjoni ta’ enerġija aktar nadifa u tiżgura futur ta’ enerġija aktar sostenibbli u reżiljenti.
InterConnect Malta qalet, fi stqarrija, li ġew identifikati żewġ siti għal dan il-proġett qrib ċentri ewlenin tad-distribuzzjoni u għandhom aċċess biex jitqabbdu mal-grid nazzjonali. L-ewwel wieħed hu taħt l-art fejn kienet il-power station l-antika tal-Marsa, filwaqt li t-tieni se jkun fil-power station ta’ Dellimara stess.
Il-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, tenniet li dan hu pass ieħor importanti, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, li juri l-impenn tal-Gvern biex itejjeb l-integrazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u se jkollu rwol kruċjali biex Malta tagħmel pass ’l quddiem lejn proġetti rinnovabbli fuq skala ikbar, bħall-offshore wind farms mat-tnax-il mil ’il barra mill-kosta ta’ pajjiżna.
Il-proġett fil-power station l-antika se jkun iffinanzjat mija fil-mija mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza, b’allokazzjoni ta’ baġit ta’ madwar €12 miljun, filwaqt li dak f’Dellimara qed jiġi kkunsidrat għall-kofinanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sa €35 miljun u b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 60%.