Ħareġ it-tender għal magna avvanzata tal-MRI, li se tiġi installata fir-Residenza San Vinċenz de Paul għall-ewwel darba, b’investiment mill-Gvern ta’ €2.2 miljun.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, fejn spjega li l-għan tal-proġett hu li jħaffef u jtejjeb b’mod sinifikanti d-djanjosi għall-anzjani.
B’dan is-servizz mistenni jibda jopera sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
F’kummenti lil ONE News, is-Segretarju Parlamentari qalilna li, appena jibda jopera, l-apparat se jara eluf ta’ testijiet, b’inqas inkonvenjent għall-pazjenti kif ukoll b’inqas piż fuq is-sistema tal-Isptar Mater Dei.
“Fil-fatt, qed nistmaw li, fl-ewwel sena, ħa jkollna madwar 6,500 MRI. L-għan tagħna hu li jkollna 10,000 MRI kull sena u dan, allura, b’hekk in-nies li huma ’l fuq minn 60 sena, ħa nkunu, kemm jista’ jkun, qed neliminaw il-waiting list għal dawn it-testijiet ferm importanti. Diġà kellna esperjenza, anke permezz tal-bone density machine, li installajna f’San Vinċenz, fejn biha, bis-saħħa ta’ din il-magna, naqqasna l-waiting list għal żero.”
Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari
Intqal li l-installazzjoni tal-MRI f’San Vinċenz hi pass ieħor importanti biex tingħata kura ta’ livell għoli lil kull faxxa tas-soċjetà.