Il-Prim Ministru Robert Abela ppubblika r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li tilef ħajtu f’tiġrif ta’ binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin f’Diċembru tal-2022 u b’hekk żamm mal-impenn kif espress fit-termini ta’ referenza.
Il-bord ta’ din l-inkjesta, li kien ippresedut mill-Ombudsman u l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u l-Perit u l-Espert tal-Qorti Mario Cassar, ħareġ 39 rakkomandazzjoni, b’uħud minnhom li diġà qed jiġu implimentati.
Minn din l-inkjesta, ma nstabet ebda rabta bejn l-allokazzjoni tal-art fejn fiha seħħ l-inċident u l-proċess tal-allokazzjoni u titkellem ukoll dwar aktar inforzar li hu meħtieġ fis-settur tal-kostruzzjoni, kif diġà qed jitwettaq. Min-naħa l-oħra, tikkritika l-proċess tal-allokazzjoni tal-art.
Il-bord innota wkoll li, fil-pajjiż, inħolqu entitajiet u istituzzjonijiet, b’uħud minnhom regolatorji, li xogħolhom hu li jassiguraw ir-regolarità fil-proċeduri li jwasslu għat-twettiq ta’ proġett. Ingħad, li l-approvazzjoni tal-proġett tal-fabbrika f’Kordin ma sarx għal xi gwadann personali min-naħa tal-entitajiet.
Dan filwaqt li r-rapport fisser ir-riforma li ddaħħlet fis-seħħ, dik tal-liċenzjar tal-kuntratturi, bħala suċċess primarju għas-settur. “Il-kostruzzjoni bħala settur ma jistax ikun aħjar min-naħat kollha jekk l-operaturi ma jkunux liċenzjati,” jingħad fir-rapport.
Ġiet innotata wkoll iż-żieda fl-ispetturi tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, iżda saħaq li dan mhuwiex biżżejjed, kif ukoll ġiet elenkata l-ħtieġa ta’ regolarizzazzjoni ta’ strutturi free standing.
Dan flimkien mal-ħtieġa ta’ aktar serjetà fl-implimentazzjoni u l-ħarsien ta’ regolamenti, fosthom dawk marbutin mal-post tax-xogħol, fosthom siti ta’ kostruzzjoni.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet, li diġà qed jiġu implimentati, hemm il-liċenzjar u l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi; l-iskill u s-safety card; l-obbligu li mal-liċenzja tal-kuntrattur ikun hemm polza ta’ assikurazzjoni; il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ perit ta’ kif se jsir ix-xogħol ta’ żvilupp mhux biss ma’ bini, li għandu bini ieħor imiss miegħu; aċċess iżjed faċli biex ċittadin jirrapporta allegat abbuż fix-xogħol tal-kostruzzjoni; regolamentazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà; taħriġ fis-sengħa tal-bini; u amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja fis-smigħ ta’ kawżi kriminali b’rabta ma’ ksur ta’ liġijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.