L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji ppubblika r-rapport annwali tiegħu bix-xogħol li sar tul is-sena li għaddiet. Dan ġie ppreżentat lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u mqiegħed fuq il-mejda tal-Parlament nhar it-12 ta’ Lulju.
Ir-rapport annwali juri kif fis-sena diffiċli kkaraterizzata mill-pandemija li laqtet lid-dinja, dan l-uffiċju xorta waħda għen mal-5,000 ruħ. L-arbitru għas-servizzi finanzjarji, Reno Borg spjega kif din kienet sena diffiċli iżda li permezz ta’ prattiċi li diġà kellhom għal każijiet ta’ persuni barra mill-pajjiż, ix-xogħol seta’ jibqa’ għaddej fi żmien il-pandemija.
L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, Reno Borg stqarr: “Din is-sena qbiżna b’mod totali l-ħamest elef klijent illi qdejna u bħala deċiżjonijiet formali li din is-sena ser inkun tajt bħala arbitru ser naqbeż il-500 deċiżjoni.”
Spjega wkoll kif matul is-sena 2020 l-arbitru ħa 125 deċiżjoni. Ir-rapport jinkludi fih deċiżjoni dwar każ li għamlu 39 persuna separata kontra l-istess provditur tas-servizz li kien qed jamministra l-pensjoni tagħhom. L-arbitru spjega wkoll x’tip ta’ ilmenti jkollu jiddeċiedi dwarhom hu ta’ kull sena.
Borg sostna: “L-ilmenti jvarjaw ħafna u jkopru l-qasam tas-servizzi finanzjarji kollha bħal mhuma l-banek, l-assigurazzjoni, l-investimenti u issa wkoll qed ikollna numru mhux ħażin ta’ pensjonijiet privati.”
Ir-rapport annwali wera wkoll kif matul is-sena li għaddiet ġew ippreżentati 145 każ formali ġdid li tfisser żieda ta’ 32% fuq is-sena ta’ qabel.