Matul l-2020, ġew irreġistrati 4,400 każ ta’ vjolenza domestika; 715-il każ aktar mis-sena ta’ qabel (2019).
Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għall-2021, li juri kif, bħas-snin ta’ qabel, il-maġġoranza tar-rapporti daħlu għand l-Aġenzija Appoġġ u għand il-Pulizija.
RAPPORTI TA’ KAŻIJIET TA’ VJOLENZA DOMESTIKA
2020 – 4,400
2019 – 3,685
2018 – 3,033
2017 – 2,672
Dan ir-rapport ġabar informazzjoni mingħand l-entitajiet u x-xelters li jagħtu għajnuna f’dawn il-każijiet.
Fil-konferenza, li matulha ġie ppubblikat dan ir-rapport, il-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri tkellmet dwar il-ħidma tal-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet.
Fost l-oħrajn, ingħata taħriġ lil professjonisti li jmissu ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika biex ikunu dejjem aktar miftuħin għal riflessjoni u empatija.
Is-sena l-oħra wkoll, il-Kummissjoni mexxiet żewġ kampanji biex jedukaw u jxerrdu l-għarfien fost in-nies.
Il-Kummissarju Audrey Friggieri qalet “Is-sena l-oħra indirizzajna l-esperjenzi tal-persuni LGBTIQ+ kif ukoll ta’ persuni li jgħixu b’diżabilità għaliex, skont ir-riċerka madwar id-dinja, dawn huma gruppi ta’ nies li jesperjenzaw abbuż u vjolenza minħabba l-istat tagħhom u kif jgħixu.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, innutat kif il-ħidma tal-Kummissjoni u anki ż-żieda fis-servizzi ta’ għajnuna, qed iwasslu biex jiżdied l-għarfien u aktar nies iħossuhom komdi jersqu ’l quddiem u jirrappurtaw.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet “Jidher li madwar għoxrin fil-mija tal-persuni li rrappurtaw li kienu vittmi fis-sena elfejn u għoxrin, kienu taħt it-tletin sena allura l-fatt li qed ikollna ċertu inizjattivi li qed jimmiraw il-ġenerazzjoni li jmiss, qed naraw li ser ikollhom aktar effett biex noħolqu kuxjenza f’dan il-bracket ta’ persuni biex ikunu jistgħu jfittxu l-għajnuna u jingħtaw l-appoġġ meħtieġ.”
Hija affermat mill-ġdid l-impenn tal-Gvern biex tinħoloq aktar kuxjenza ħalli s-soċjetà tħares lejn din il-pjaga soċjali bħala parti mill-ħidma favur l-ugwaljanza aktar milli problema ta’ individwu partikolari.
Dan sabiex aktar nies iħossuhom komdi jirrappurtaw u s-servizzi offruti jkunu aktar effettivi.