L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ippubblikat il-programm kulturali l-ġdid ta’ Strada Stretta għall-perjodu bejn Settembru u Diċembru, filwaqt li ħabbret li Strada Stretta issa tinsab taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kevin Drake.
Kevin Drake għandu esperjenza ta’ erbgħin sena fis-settur tal-midja, id-divertiment, l-arti, u l-kultura. Huwa se jkun qiegħed jagħti nifs ġdid lil Strada Stretta permezz ta’ programm varjat ta’ attivitajiet li żgur se jkunu qed jattiraw numru ta’ Maltin kif ukoll turisti f’din it-triq tant ikonika fil-Belt kapitali.
Kevin Drake qal lil One News li dan il-programm irid ikun xprunat minn kunċett partikolari.
‘Li nżewqu l-insolitu, dak li mhux tas-soltu, iżda li jkun aċċessibli wkoll, u dan il-programm jirrifletti proprju hekk. Għandna mużiċisti u kantanti u artisti li huma rinomati għal xi ħaġa partikolari imma ħafna drabi se narawhom f’lenti u f’dawl differenti’.
Ic-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li l-pjan sabiex Strada Stretta terġa’ tibda tingħata l-ħajja beda minn Valletta 2018.
Huwa qal li l-ambizzjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija li tipprovdi programm ta’ avvenimenti li jagħtu ġieħ lil Strada Stretta.
‘Waħda minnhom hija Strada Stretta, illi storikament kienet dejjem popolari ħafna kulturalment. Matul is-snin tħalliet tintelaq. Naturalment, f’das-snin illi għaddew, passati riċenti, tajniha attenzjoni partikolari.’
Preżenti wkoll kien hemm, fost l-oħrajn, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Strada Stretta u avvenimenti oħra wieħed jista’ jżur u l-paġna tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fuq il-Facebook. vca.gov.mt