Ġie ppubblikat id-disinn tal-proġett komprensiv għar-riabilitazzjoni tal-Ġnien tal-Pinetum fil-Furjana.
Fil-fatt, l-aġenzija Project Green bdiet il-proċess biex tingħata ħajja ġdida lil din iż-żona storika billi ssottomettiet l-applikazzjoni ta’ dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Pinetum, li jinsab bejn id-daħla f’Tal-Pietà u Xatt it-Tiben u jibqa’ sejjer sal-Bieb il-Bombi, hu magħruf għas-sinifikat storiku li għandu, kif ukoll għall-għoljiet li fih.
Ix-xogħol ta’ tiżbir li se jsir se jkun wieħed minimu u se jsir fejn hemm impatt fuq strutturi storiċi, bħalma huma n-Nissen Huts. Dawn kienu jintużaw mis-servizzi Ingliżi u se jiġu riġenerati biex jinħolqu serer, guvi u ċentru ta’ tagħlim ortikulturali.
Il-proġett propost se jinvolvi interventi minimi, li jiffokaw fuq it-titjib, il-manutenzjoni u l-preservazzjoni taż-żona. Sar ukoll studju fuq is-swar biex dak kollu li jsir fuq dan is-sit ma jkunx ta’ dannu għall-ambjent naturali.
Il-proġett, li jkopri madwar 60,000 metru kwadru, jinkludi l-introduzzjoni ta’ passaġġi maqtugħin mill-art biex ma jkunx hemm impatt ambjentali. Dawn se jkunu magħmulin minn ħadid galvanizzat u se jservu bħala passaġġi aċċessibbli għall-mixi, flimkien ma’ sinjali ta’ informazzjoni relatati mal-elementi naturali tal-post.
Il-Perit Jessica Galea spjegat li ż-żona kollha se titnaddaf, se jsir fencing tal-ħadid galvanizzat tul il-perimetru u se jiġi installat dawl biex iżid is-sigurtà, skont dak li ġie rrakkomandat minn studju tal-Professur Saviour Formosa dwar dan il-post.
“Il-passaġġi li se jkunu formali se jkunu magħmulin minn materjal mhux invażiv, filwaqt li se jkollna r-restawr tas-sur kif ukoll tal-huts li kienu jintużaw mill-Ingliżi u qegħdin fis-stat vera gravi.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, spjegat li l-pjani li qed tippreżenta Project Green għal dan il-Ġnien tal-Pinetum se jwasslu biex spazju miftuħ ieħor jitgawda mir-residenti, il-viżitaturi u t-turisti.
“Hawnhekk Ġnien Pinetum għandna area kbira li rridu nħalluha fis-sbuħija naturali tagħha, imma fl-istess ħin irridu naraw li nkunu qed nagħtu aċċess lin-nies, għax irridu noħolqu spazji bħal dawn.”
Għal din iż-żjara fuq il-post attenda wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri.