Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ dokument li jidentifika t-triq ’il quddiem għad-diplomazija diġitali fil-politika barranija ta’ Malta.
Waqt il-preżentazzjoni tad-dokument fil-Bini tal-Parlament il-Ġimgħa waranofsinhar, il-ministru spjega li b’mod strateġiku, dan id-dokument qed jilqa’ għall-isfidi li jġibu magħhom it-teknoloġiji diġitali u jsarrafhom f’opportunitajiet ta’ paċi, governanza, tolleranza u prosperità f’Malta u fil-ħidma tal-Korp Diplomatiku Malti mal-komunità globali.
Id-dokument, “A Digital Diplomacy Profile for Malta”, jispjega kif pajjiżna qed jikkonferma l-impenn tiegħu li jkun proattiv fil-qasam diġitali, f’setturi li jvarjaw mir-regolamentazzjoni ta’ kumpaniji teknoloġiċi u l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali, sal-governanza tal-internet u s-sigurtà ċibernetika.
Il-Professur Andre Xuereb, l-Ambaxxatur tematiku ta’ Malta għall-Affarijiet Diġitali, li mexxa t-tfassil tad-dokument, spjega kif l-idea hi Malta tinteraġixxi ma’ kull pajjiż ieħor fid-dinja u ma tinteraġġixix biss fuq livell fiżiku imma fuq livell diġitali. Għaldaqstant f’dan id-dokument insibu qafas li se jwassal għal kif dan għandu jsir bl-aktar mod effettiv.
“L-idea hija li Malta tinteraġixxi ma’ kull pajjiż ieħor fid-dinja u ma ninteraġixxux biss fuq livell fiżiku imma fuq livell diġitali allura f’dan id-dokument għandna qisu qafas fejn ngħidu għalfejn għandna bżonn ninteraġixxu b’mod diplomatiku fid-dinja diġitali, kif se nagħmlu hekk u anke l-azzjonijiet li Malta għandha tieħu biex jibbenefika ċ-ċittadin u kif ukoll il-pajjiż u kif Malta tinteraġixxi mal-bqija tad-dinja.”
Andre Xuereb – Ambaxxatur Tematiku ta’ Malta
Il-Ministru Ian Borg semma kif f’dawn l-aħħar snin pajjiżna wera d-determinazzjoni li juża r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu biex ikompli jgħolli ‘l fuq isem Malta u l-aġenda ewlenija tal-politika barranija tal-gvern – il-paċi u l-prosperità.
“Jiena konvint illi kif ilqajna l-isfidi biex inservu fil-Kunsill tas-Sigurtá, biex immexxu l-OSCE, li hija l-akbar organizzazzjoni ta’ Sigurtà fl-Ewropa u fir-reġjun, anke din il-bidla fil-kultura bil-mod ta’ kif naħdmu u bil-mod ta’ kif nikkomunikaw se tkun abbraċjata sew mill-kumplament tal-Ministeru.”
Ian Borg – Ministru
Intant il-Ministru Borg irrimarka kif diplomazija diġitali b’saħħitha tista’ twassal ukoll għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal Malta u Għawdex, hekk kif tgħin biex twassal il-messaġġ dwar il-potenzjal kummerċjali tal-pajjiż b’mod virtwali f’pajjiżi fejn bħalissa m’hemm l-ebda forma ta’ rappreżentanza fiżika.