Mandy Cassar ta’ 29 sena mis-Swieqi ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li ffirmat għal pakkett suspettuż li kien fih tliet kotba u pakkett kannabis.
L-Ispettur Joseph Xerri qal li nhar is-17 ta’ Awwissu rċieva informazzjoni li daħal pakkett suspettuż mill-Amerika, li kien indirzzat lil Richard Calleja residenti s-Swieqi. Spjega kif fuq il-pakkett kien hemm immarkat li fih kien hemm erba’ kotba u pakkett popcorn.
Minn hawn, ittieħdet id-deċiżjoni biex issir investigazzjoni minn Pulizija undercover biex dan il-pakkett jitwassal fir-residenza. Jidher, li kienet l-akkużata li fetħet il-bieb u ffirmat għall-pakkett.
Wara ftit il-Pulizija reġgħu marru fir-residenza fejn kien mibgħut il-pakkett, u saret tfittxija, u sabu l-pakkett miftuħ fuq is-sodda tal-akkużata minkejja li Cassar qalet li ma kienx għaliha. Hawnhekk instabet mal-500g kannabis b’valur li jista’ jwassal għal €14,000.
Mandy Cassar ingħatat il-ħelsien mill-arrest, garanzija personali ta’ €6,000, u depożitu ta’ €2,000. Din ġiet ordnata wkoll tiffirma l-għassa ta’ San Ġiljan darbtejn f’ġimgħa, u ngħatat struzzjonijiet biex ma toħroġx mid-dar bejn l-22:30 u l-05:30.