L-istorja żvelata minn ONE News it-Tnejn, jiġifieri li feġġet qasma oħra fi ħdan il-Partit Nazzjonalista minħabba li l-uffiċjali għaddew romblu minn fuq id-deputati tagħhom stess, wasslet biex ħarġet stqarrija uffiċjali, iffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.
ONE News mgħarraf li r-rapport tagħna qajjem paniku sħiħ fid-Dar Ċentrali, tant li l-istrateġisti fi ħdanu riedu li jagħmlu xi ħaġa biex jgħattu l-qasma li ġiet esposta dwar il-mod kif il-PN qed jittratta lid-deputati tiegħu stess.
Fil-fatt, wara li żvelajna kif kien id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, li ma riedx jiffirma stqarrija qarrieqa li riedu uffiċjali għolja fi ħdan l-istess Partit, l-istess uffiċjali riedu li tinħareġ stqarrija li tpatti għal dan.
Dan wassal biex ftit tas-sigħat wara li ħareġ l-artiklu fuq one.com.mt, il-Partit Nazzjonalista joħroġ stqarrija ġdida, li iżda b’differenza għal dik li rrapporta dwarha dan is-sit, din tal-aħħar kellha l-firem tad-deputati konċernati.
Apparti li dan jikkonferma kif normalment stqarrijiet fuq suġġett partikolari jkunu ffirmati mid-deputati, din l-istqarrija ġarret il-firma tad-Deputat Ivan Bartolo.
Is-sorsi ta’ ONE News f’Tal-Pietà saħqu li din l-istqarrija kienet frott tal-pressjoni li saret mill-istess uffiċjali biex jipprovaw iwaqqgħu l-istorja li ħarġet sigħat qabel.
Dan jikkonferma l-paniku li nħoloq f’Tal-Pietà wara li ġew żvelati l-metodi interni li jopera bihom il-Partit Nazzjonalistà.