L-Impjegat ta’ Identity Malta li hu mixli b’ misappropriazzjoni ta’ iktar minn €20,000 tal-entita, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti ċaħad li pprova jiġbed €41,000 mill-kont bankarju tiegħu qabel ma’ l-bank kien mgħarraf b’ordni ta’ friżar tal-assi tiegħu.
Fis-seba’ ta’ Lulju li għadda, il-Maġistrat Joe Mifsud ta lill-akkużat, Joseph Calleja mill-Mosta, il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li fid-dawl tan-natura tal-akkużi ordna li l-kontijiet tal-bank tiegħu ikunu iffriżati.
Għaldaqstant Callejja ta’ 60 sena reġa’ tressaq il-Qorti, akkużat li kiser l-ordni tal-qorti u waħda mill-kundizjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Neville Camilleri sema’ kif malli l-impjegat ta’ Identity Malta inħeles mar jiġbed għoxrin elf ewro immedjatament u ġibed wieħed u għoxrin elf ewro oħra t-Tnejn ta’ wara. Meta mar jipprova jiġbed il-flus darb oħra, twaqqaf mill-impjegati tal-bank li ċemplu lill-pulizija.
Filwaqt li d-difensur prova jargumenta li ma kienx jaf li l-assi tiegħu kienu iffriżati u li kważi s-somma kollha nieqes erbat elef u ħames mitt ewro ingħataw lura lill-pulizija l-prosekuzzjoni argumentat li kieku kien każ ġenwin il-flus ma kienux jinstabu moħbija għand terzi persuni.
Madanakollu l-Qorti xorta tatu l-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjonijiet oħra.