Permezz ta’ avviż legali, ġie pprojbit il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tal-HHC jew sustanzi li joħorġu minnha.
L-HHC hija sustanza semi-sintetika li tintuża biex tissimilizza l-effett tat-THC li jkun misjub fil-kannabis, b’hekk l-HHC m’għandux x’jaqsam mal-kannabis.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-HHC ma kienx regolat bil-liġi u b’hekk kien qed ikun hemm abbuż anki fejn jidħol ippakkeġġjar bi ftit informazzjoni.
Intqal kif irriżulta li fis-suq kienu qed jinbiegħu għadd ta’ prodotti rreklamati b’mod qarrieq biex jiġbdu b’mod partikolari l-għajn tal-minuri f’ħelu bħal lolipops kif ukoll f’vapes.
Din il-projbizzjoni saret wara konsultazzjoni ma’ esperti fil-qasam fid-dawl li dawn il-prodotti kienu qed jkunu ppakkeġġjati għal minuri.
Għaldaqstant dan l-avviż legali se jkun qiegħed jipprojbixxi il-konsum ta’ dawn il-prodotti biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, spjega kif dawn il-prodotti ma jaffettwawx dawk li jkunu mibjugħa mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati, li joperaw taħt qafas legali strinġenti.
Intqal ukoll kif prodotti li diġà huma fis-suq se jiġu kkonfiskati.
Is-Segretarju Parlamentari resposabbli mir-riformi, Rebecca Buttigieg, nnutat l-importanza ta’ din il-projbizzjoni bil-għan li tkompli tkun imħarsa s-saħħa pubblika u tibqa’ tiġi rrispettata l-liġi li ddikriminalizzat l-użu repsonsabbli tal-kannabis.