Il-kompożituri tal-kanzunetti rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-festival ‘Mużika Mużika’ ngħataw il-premjijiet monetarji tagħhom, filwaqt li l-awturi, il-kompożituri, u r-rebbieħa tal-Aqwa Arranġament Mużikali u l-Aqwa Interpretazzjoni ngħataw it-trofej kommemorattivi.
It-tieni edizzjoni tal-festival, li saret bejn il-21 u t-23 ta’ April, għal darb’oħra rnexxielha tikseb suċċess grandjuż hekk kif il-produzzjoni organizzata minn Festivals Malta laħqet għanijiet ġodda u elevat il-livell tal-mużika Maltija.
L-edizzjoni tal-2022 intrebħet mill-kanzunetta ‘Bla Tarf’, interpretata minn Kurt Calleja, b’kitba tiegħu stess u b’kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur, u Peter Borg.
Il-Ministru għal-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tkellem dwar kif festivals bħal dawn isarrfu f’aktar opportunitajiet għall-arti u t-talent lokali.
Bonnici stqarr, “Is-suċċess ta’ ‘Mużika Mużika’ għalina huwa importanti ħafna għax jippromwovi mhux biss it-talent malti imma jippromwovi l-malti, li huma żewġ għanijiet importanti ħafna għalina li kellna, flimkien mal-awturi, kompożituri, u kantanti li ngħataw premjijiet għal dak li għamlu f’‘Mużika Mużika’. Din is-sena komplejna nsaħħu din ir-rabta li biha komplejna mmexxu ’l quddiem dan il-festival li daħal fil-qlub ta’ ħafna Maltin.”
Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, tkellmet dwar l-iżvilupp tal-festival u kif Festivals Malta se tkompli tinvesti f’dan il-proġett li hu tant għal qalb il-poplu Malti.
Stivala, “Illum kellna l-premjazzjoni tat-tliet kanzunetti rebbieħa u, mil-lum ’il quddiem se nkomplu nħarsu ’l quddiem u nkabbru dan il-festival, inkabbru l-ħarsien lejn il-mużika Maltija u l-kultura Maltija.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, kompla faħħar l-organizzazzjoni tal-festival u l-valur importanti li festival bħal dan iġib miegħu.