L-għawwiema Sasha Gatt u t-tiratur tat-Trap Gianluca Chetcuti se jkunu qed iġorru l-bandiera maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpijadi ta’ Pariġi 2024.
Dan tħabbar waqt laqgħa li l-Kumitat Olimpiku Malti kellu mal-ġurnalisti u li matulha ġew ippreżentati l-atleti li se jkunu qed jirrapreżentaw lill-pajjiżna f’dan il-logħob.
Il-ħames atleti maltin fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi huma l-għawwiema Sasha Gatt u Kyle Micallef, it-tiratur Gianluca Chetcuti, l-isprinter Beppe Grillo u l-judoka Katryna Esposito.
Ix-Chief de Mission tal-kontinġent malti f’Pariġi se jkun Paul Sultana.
Preżenti waqt il-preżentazzjoni tal-tleti kien hemm il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, is-Segretarju Ġenerali tal-istess Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi u d-Direttur tal-Isport Charlene Attard. Magħhom it-tabiba Lucienne Attard.
Il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi se jibda fis-26 ta’ Lulju biċ-ċerimonja tal-ftuħ u jintemm fil-11 ta’ Awwissu.