Il-President ta’ Malta, George Vella, ippreżenta ċ-ċertifikat tal-kummissjoni lil sitta u ħamsin fizzjal ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta waqt ċerimonja li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Fid-diskors tiegħu, il-President Vella aċċenna għall-importanza tal-Forzi Armati ta’ Malta u elenka diversi każijiet meta l-kontribut tal-Forzi Armati kien tassew fundamentali għal pajjiżna.
Fil-fatt, huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-ħidma u s-sehem tal-armata fil-battalja kontra l-virus tal-Covid-19, li ħasad mhux biss lill-poplu Malti iżda lill-komunità internazzjonali kollha.
Qal, “Il-Forzi Armati ta’ Malta kienu fuq quddiem u kif diġà kelli l-opportunità ngħid lill-Brigadier Curmi, kontu tassew eżemplari fl-inizjattivi li ħadtu. Meta intom għintu fit-tqassim tal-ikel u proviżżjonijiet speċjalment ma’ min kien meqjus bħala vulnerabbli. Inthom mhux biss għintu lil min kien fl-ikbar periklu ta’ iżolament iżda wassaltu s-solidarjetà u l-empatija li tant kien hawn xewqa għalihom.”
Il-President faħħar ukoll il-ħidma ta’ dawk li jaħdmu f’postijiet ta’ natura sensittiva bħall-ajruport, il-ħarsien tal-ibħra territorjali Maltin, is-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru, l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, it-tneħħija ta’ munizzjon perikoluż, u missjonijiet barra minn Malta.
Filwaqt li feraħ lill-fizzjali l-ġodda u lill-familji tagħhom, il-President fakkarhom fid-dmirijiet tagħhom lejn il-pajjiż u lejn il-Forza nnifisha u ħeġġiġhom ikunu integri u ta’ eżempju.
Spjega, “Żgur li d-distinzjoni bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin tafu tagħmluha, u ċert li d-deċiżjonijiet li ser tieħdu se jkunu bbażati fuq dan l-istess għarfien.”