Fil-Jum Dinji għat-Tfal, il-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, ippreżenta disgħa u disgħin proposta f’manifest li ilu jinħadem seba’ snin.
Il-Manifest huwa mibni fuq ħames pilastri; il-Komunità u l-Ambjent, is-Saħħa u l-Benessere, l-Edukazzjoni, id-Diversità u l-Inklużjoni, u d-Drittijiet tat-tfal u l-Parteċipazzjoni Attiva.
F’attività fil-Belt fil-preżenza ta’ numru ta’ tfal li kienu involuti fil-proċess ta’ dan il-manifest, ġie spjegat x’jixtiequ ċ-ċkejknin għall-pajjiż.
Kważi għoxrin elf tifel u tifla minn madwar il-pajjiż, urew ix-xewqa li f’pajjiżna jkun hawn aktar żoni ħodor u miftuħa u anke aktar ġranet li fihom ma jintużawx karozzi.
L-iskart, it-trasport pubbliku, il-ħela tal-ilma u l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilita ngħataw importanza mill-kunsill.
Quddiem il-Parlament dan l-istazzjon tkellem ma’ żewġt itfal, li spjegaw kif wara dawn il-proposti hemm snin ta’ diskussjoni, laqgħat u attivitajiet.
Qalu, “Dan il-manifest huwa importanti ħafna minħabba li hu seba’ snin xogħol u li jingħaqad kollu f’99 proposta u kif tara it-tfal eċitati ħafna biex juru dawn il-proposti li ħdimna fuqhom… Jien il-proposta li laqtitni f’dan il-manifest hija l-edukazzjoni għax inħoss li huwa ferm importanti.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-Fondazzjoni, qalet kif dawn il-proposti jistgħu jimmaterjalizzaw u minnhom igawdi kulħadd.
Spjegat, “Mhumiex sempliċiment wishlist, imma t-tfal qed jitkellmu għal kulħadd, għal dak li jixtiequ jaraw f’Malta tagħna. Mhux għalihom biss iżda qed jaħsbu f’kulħadd. F’dak il-manifest hemm proposti li mhux sempliċiment identifikaw suġġett u nieqfu hemm imma wkoll qed jgħidu tagħhom dwar dan.”