Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ preżentaw studju dwar l-użu tal-kannabis rikreazzjonali mil-lenti taż-żgħażagħ fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli. Il-konklużjonijiet juru fost oħrajn li ż-żgħażagħ esprimew opinjonijiet imħallta dwar l-użu tal-kannabis għall-użu rikreattiv. L-età u l-ġeneru x’aktarx jikkontribwixxu għall-opinjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li faħħar lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u lil Aġenzija Żgħażagħ għax-xogħol li qed iwettqu, saħaq kif il-gvern hu mpenjat li tibqa’ ssir riċerka kontinwa fuq il-ħajja taż-żgħażagħ f’Malta u li tkun iffukata fuq l-iżvilupp sħiħ tal-persuna sabiex ikunu kapaċi jaffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum.
Clifton Grima qal li għandu jkun hemm kampanja edukattiva sabiex iż-żgħażagħ ikunu infurmati sew dwar l-effett li tħalli il-kannabis. Hu qal li rridu nħarsu wkoll lejn dak li huwa l-effett kliniku fuq kull persuna bħall-effetti fuq is-saħħa mentali.
“Huwa d-dmir tagħna li naraw li dan l-istudju ikun meqjus bħala wieħed importanti meta niddiskutu u niddibattu dwar dan is-settur li se jkun qed jaffettwa s-soċjetà kollha Maltija inkluż iż-żgħażagħ”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli, faħħret l-inizjattiva li ħadu l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u Aġenzija Żgħażagħ li ma jkunux spettaturi imma protagonisti fir-riformi li qed isiru f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli saħqet kif sa mill-bidu nett ta’ din ir-riforma b’rabta mal-kannabis mhux għall-użu mediku, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru skatta mekkaniżmu li nvolva u għadu qed jinvolvi diversi stakeholders, inklużi għaqdiet taż-żgħażagħ.
Hija faħħret “l-impenn tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li tkun vuċi b’saħħitha fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw lis-soċjetà u kemm kien mument storiku importanti li dan il-Gvern ħadem biex ta l-għodda tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, għax wara kollox huma maturi u ma jserrħux biss fuq dak li jaħseb l-adult imma jgħarblu bejniethom dwar x taħseb il-faxxa taż-żgħażagħ fuq is-suġġett.”
Dwar ir-riforma tal-kannabis mhux għall-użu mediku, hija qablet li dan id-dibattitu maż-żgħażagħ għandu jkun wieħed apolitiku. Sostniet li kif ġie maqbul mal-istakeholders kollha, bħalissa għaddejja kampanja edukattiva fost it-tfal u żgħażagħ. Hu mistenni li sal-aħħar tas-sena skolastika din il-kampanja se tkun laħqet mad-9,000 student u studenta.
Ħafna żgħażagħ qalu li jekk ikollhom bżonn informazzjoni dwar il-kannabis huma jagħżlu l-internet; madankollu ġie nnutat li l-maġġoranza taż-żgħażagħ jistennew li l-istituzzjoni edukattiva li jattendu fiha għandha tipprovdi informazzjoni bħal din.
Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ qablu li jekk il-kannabis tkun legalizzata għal użu rikreattiv, restrizzjonijiet simili għal dawk applikati għall-konsum kemm tat-tabakk kif ukoll tal-alkoħol, għandhom ikunu introdotti. Dawn jinkludu li l-konsum huwa regolat, fejn għandu jkun permess li tpejjep il-kannabis u wkoll fil-mod kif tinbiegħ.
L-istudju kkonkluda li jekk il-kannabis tintuża għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jistennew li tkun kontrollata, limitata u sorveljata. Ir-riżultati jindikaw li l-maġġoranza taż-żgħażagħ jemmnu li ċerti fażijiet fil-ħajja jagħmlu lill-individwi aktar suxxettibbli biex jibdew jużaw il-kannabis, l-aktar l-adolexxenti.
Din ir-riċerka saret mill-MISCO li fiha pparteċipaw 350 żagħżugħ/a mill-faxxa tal-età bejn is-16 u l-35 sena.