Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, is-CRPD, ippreżentat kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija wara li persuna, permezz ta’ vidjow li tellgħet fuq il-mezzi soċjali, għajret u insulentat persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu u tal-ADHD.
Sadanittant il-Minstru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, ikkundannat il-kliem użat u li jweġġa’ lil kull min hu affettwat, waqt li talbet ukoll għall-prudenza fil-kliem li jintuża.
It-Tlieta, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll esprima sentiment simili, anke jekk f’kuntest differenti dwar il-libertà tal-espressjoni. Waqt li wieġeb għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, hu enfasizza li jaqbel li jidħlu fis-seħħ rimedji kontra min jabbuża mill-mezzi soċjali, bl-iskuża tal-libertà tal-espressjoni.