Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ppreżenta ittra tal-Avukat Ġenerali taħt Gvern Nazzjonalista fid-disgħinijiet, Anthony Borg Barthet, li kien ħareġ qatta’ bla ħabel kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li mxiet bl-ingwanti tal-bellus biex eventwalment inħeles traffikant tad-drogi.
Dr Attard qal dan fil-Parlament, hekk kif kompla d-dibattitu fl-istadju tat-Tieni Qari b’rabta mar-riforma fil-Qorti tad-Droga.
“Jiġifieri deċiżjoni politika ta’ Gvern Nazzjonalista, li mhux biss kienet ħelset traffikant, imma kif qed jgħid l-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien: Il-pajjiż kien tilef kull opportunità biex naslu għand min kienu l-Maltin bi sħab ma’ Queiroz, li issa se jkomplu n-negozju tagħhom, għax tħallew scot free. Bl-akbar responsabilità ngħid kemm kien hemm żgħażagħ li jaf spiċċaw vittma ta’ din id-deċiżjoni politika?”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Attard wieġeb lid-deputati Nazzjonalisti li qalu li l-Gvern jimxi bl-ingwanti tal-bellus mat-traffikanti.
Dr Attard saħaq li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jinsisti fuq il-fake news. Dan hekk kif l-emenda hi ċara li “min jinqabad b’arma tan-nar, nar jew splussiv” mhu se jibbenefika xejn minn din l-emenda u l-liġi se tibqa’ l-istess.
Il-Ministru nnota wkoll dwar l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista.
“Jagħtuk l-impressjoni hawn fil-Parlament dwar l-integrità morali tagħhom. Imbagħad issir waħda mill-akbar qabdiet tat-traffikar tad-droga, f’ammont li defittivament m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ammonti li qed jitkażaw bihom f’din id-diskussjoni, 146 kilo, b’valur ta’ madwar €20 miljun fis-suq Malti u min ikun wieħed mill-avukati? Jason Azzopardi, l-Avukat li Karol Aquilina l-ħin kollu jirkeb wara daharu. Hu stess qallu biex ma ngħidx x’qallu aktar b’rispett lejn il-Parlament. L-Avukat tal-għaqdiet forċini tal-PN li jdaħħlu l-kwereli bħal pastizzi.”
Il-Ministru Jonathan Attard