Professjonisti fl-edukazzjoni ħadu sehem fi stħarriġ tal-Professur Mark Borg li jitfa’ aktar dawl fuq l-isfidi li jaffaċċjaw l-edukaturi fil-gżejjer Maltin.
L-istudju bl-isem The Challenges Educators Face, ġie ppreżentat f’konferenza lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, u lil diversi għalliema u stakeholders fis-settur.
L-istħarriġ tal-Professur Borg tfassal ukoll biex jesplora tliet aspetti differenti tal-Edukazzjoni tal-Malti, jiġifieri l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-għalliema fis-seklu wieħed u għoxrin, modi u mezzi biex jappoġġjaw l-għalliema u anke jqabbel l-isfidi li l-għalliema Maltin qed jiffaċċjaw ma’ għalliema f’pajjiżi oħra.
Hawn ġie nnutat ukoll li matul l-aħħar ħmistax-il sena, in-numru ta’ studenti li telqu mill-iskola qabel iż-żmien naqas bin-nofs grazzi għal diversi inċentivi. Dan apparti li grazzi għal ftehim kollettiv mal-Gvern fl-aħħar snin, il-pagi tal-għalliema f’Malta żdiedu tant li s-salarji bażiku f’Malta qabeż dak ta’ pajjiżi Ewropej.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri spjega li permezz ta’ dan il-konferenza, se jkomplu jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema.
Il-Ministru Caruana spjegat li r-reżiljenza li wera s-settur edukattiv waqt pandemija, turi l-impenn li għandu dan il-Gvern biex ikompli jsaħħaħ dan is-settur.
Hija qalet, “Qed nagħmlu analiżi sinċiera u onesta tas-settur. Allura se nkunu qed inħarsu mhux biss lejn fejn aħna b’saħħitna, ħalli nkomplu nissaħħu, imma naraw ukoll fejn nistgħu ntejbu. Dan huwa settur li huwa kbir u importanti ħafna mhux biss għal pajjiżna, iżda wkoll għal dawk involuti fih. Allura rridu nagħmlu eżerċizzju li huwa tassew san u tassew korrett.”