“Li tippermetti lill-manifattura tinjora l-istandards ta’ emissjoni eżistenti huwa ta’ detriment għas-saħħa taċ-ċittadini tagħna,” qalet Miriam Dalli fil-kumitat tal-Parlament Ewropew.
Jeħtieġ li t-testijiet magħrufa bħala ‘Real Driving Emissions’ (RDE) dwar l-emissjonijiet mill-karozzi jkunu aktar stretti biex b’hekk il-manifattura tal-karozzi tkun verament konformi mal-istandards tal-emissjonijiet.
Dan qalitu l-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Miriam Dalli waqt li kienet qed tindirizza l-kumitat ambjentali tal-Parlament Ewropew.
Il-kumitat kien qed jiddiskuti r-regolamenti li jistabbilixxu l-limiti ta’ emissjonijiet li jniġġsu u li huma regolati, b’mod partikolari l-ossidu tan-nitroġenu (NOx). Filwaqt li hemm limiti li huma stabbiliti, il-manifattura tal-karozzi ngħatat ‘l hekk msejħa “fatturi ta’ konformità”. Dan wassal biex karozza misjuqa fit-triq tniġġes aktar mil-livelli li ġew mkejla fil-laboratorji.
Skont il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tali miżuri ta’ konformità huma illegali.
“Huwa sempliċement inaċċettabbli li tkun introdotta liġi sekondarja li tippermetti lill-karozzi jniġġsu aktar mil-livelli stabbiliti. Li tipprova tilleġittimizza dan huwa kundanabbli,” qalet Miriam Dalli, li qed tmexxi n-negozjati f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D).
“Din hija l-opportunità tagħna bħala Parlament Ewropew li nagħmlu xi ħaġa dwar l-arja mniġġsa tal-Ewropa. It-teknoloġija hija disponibbli u l-leġiżlazzjoni għandha tippremja lil dawk il-manifatturi tal-karozzi li jagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija eżistenti.”
Is-sejħiet għal kontrolli aktar stretti issaħħew wara l-iskandlu ‘Dieselgate’, meta manifattur Ġermaniż instab li kien iqarraq biex il-vetturi li kien qed jipproduċi jiddikkjaraw emissjonijiet aktar baxxi.
Barra minn hekk, minkejja l-emissjonijiet tossiċi li d-dijżil jipproduċi, il-livelli ta’ NOx stabbiliti għall-karozzi li jaħdmu bid-dijżil huma ogħla meta mqabbla mal-livelli stabbiliti għall-karozzi li jaħdmu bil-petrol.
“Il-limiti ta’ NOx għal karozzi dijżil għadhom aktar għoljin minn dawk li jaħdmu bil-petrol. L-aħħar ħaġa li l-ambjent tagħna għandu bżonn hu li jinkitbu mill-ġdid il-limiti oriġinali ta’ NOx,” qalet Miriam Dalli.
“L-UE imissha tinċentiva lill-manifatturi biex isegwu dawn l-istandards u mhux tgħinhom biex iniġġsu aktar mil-limiti stabbiliti. M’għandhomx jiġu aċċettati, jew agħar minn hekk, validati, skużi oħra li huma ta’ detriment għas-saħħa pubblika taċ-ċittadini tagħna.”