Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni tal-Premju Dinja Waħda, organizzata minn Birdlife Malta bil-kollaborazzjoni ta’ Bank of Valletta.
Il-President faħħret lill-Birdlife Malta għall-impenn tagħhom favur l-edukazzjoni ambjentali, u raddet ħajr ukoll lill-Bank of Valletta li għażlu li jiffokaw ukoll fuq l-edukazzjoni ambjentali bħala parti mill-corporate social responsibility tagħhom. Il-President inkoraġġiet lil aktar kumpaniji fis-settur privat sabiex huma wkoll jagħżlu li jippromwovu l-edukazzjoni dwar il-wirt naturali tagħna bħala parti mis-CSR tagħhom.
Waqt li indirizzat lit-tfal preżenti, il-President Coleiro Preca fakkret fuq l-impenn li l-komunità internazzjonali ħadet meta sar qbil fuq l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u s-17-il mira għall-iżvilupp sostenibbli. Hija qalet li l-ambjent jifforma parti intrinsika minn din l-aġenda, b’mod partikolari il-Miri 14 u 15 li jitrattaw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra, u l-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-art, rispettivament.
Il-President inkoraġġiet lit-tfal biex isiru ambaxxaturi tas-sostenibbiltà fid-djar tagħhom, fl-iskejjel, u fil-komunitajiet rispettivi tagħhom. Hija nkoraġġiethom ukoll sabiex isiru l-attivisti tal-ambjent illum, sabiex fil-futur, meta huma jkunu l-mexxejja ta’ pajjiżna, jassiguraw li l-wirt naturali tagħna jkun protett u konservat.