Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ippresediet l-ewwel edizzjoni tal-Premju Buonamico, organizzat mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi.
Dan il-premju kien ippreżentat lis-Sur Hubert Spiteri, għall-kontribut tiegħu fuq l-għarfien dwar l-orkidej u lis-Sur Michael Briffa, għat-tisħiħ fl-għarfien dwar il-flora indiġena Maltija.
“Dawn iż-żewġ esperti distinti, li ġew ippremjati, komplew isaħħu l-għerf u l-informazzjoni dwar il-ħajja tal-pjanti indiġeni ta’ dawn il-gżejjer,” tenniet il-President. Hija qalet li s-Sur Spiteri u s-Sur Briffa, bis-saħħa tal-ħidma tagħhom, qed jinkoraġġixxu lilna, biex inkomplu nagħmlu l-isforzi tagħna biex nipproteġu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna, li huwa misluf lilna mingħand uliedna, u appellat lil kulħadd biex “inħarsu l-wirt naturali, għall-benefiċċju ta’ uliedna u tal-ġenerazzjonijiet futuri”.
Il-President ħadet l-opportunità biex esprimiet d-dieqa tagħha għat-telfa nazzjonali tat-Tieqa tad-Dwejra. Hija qalet li din l-esperjenza għandha sservi ta’ opportunità biex nifhmu kemm l-ambjent naturali tagħna, ma jistax jittieħed for granted u għalhekk irridu ngħożżuh u nipproteġuh.
Fl-aħħarnett, il-President appellat biex kulħadd jaħdem “f’sinerġija, ma’ xulxin biex nippreservaw u nħarsu l-wirt ambjenati naturali li l-gżejjer tagħna huma tant għonja bih”.