F’ċerimonja mill-isbaħ, ġew rikonoxxuti t-talenti tal-artiġjana lokali permezz ta’ diversi premji ta’ Ġieħ l-Artiġjanat Malti, li jqommu ħaj ix-xogħol tradizzjonali magħmul bl-idejn.
Waqt iċ-ċerimonja tqassmu diversi premji; fosthom għal xogħlijiet tal-ħġieġ u ċ-ċeramika, tessuti, xogħlijiet tal-metall, u ikel u xorb. Ingħataw ukoll premji lil studenti għall-ideat ġodda tagħhom, fosthom dawk li qed jispikkaw fl-artiġjanat u intraprendituri ġodda fl-artiġjanat.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, stqarr li dawn il-premji juru l-apprezament u l-kapaċitajiet li l-ħaddiema lokali għandhom f’dawn l-oqsma. Huwa fakkar fl-investiment ta’ seba’ mitt elf ewro għall-Incubation Centre fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, li jagħti bażi biex minnu jiġu mgħallma l-ħiliet tal-artiġjana Maltin lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-istudenti.