Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena ngħata lil Rodry Ann Maria Celeste, li taħdem bħala uffiċjal tat-teknoloġija fil-Ministeru tal-Finanzi.
Hija ħadmet b’impenn li jaqbeż id-dmirijiet normali, u b’mod professjonali edukat u għenet biex jitħaffu l-proċessi tas-servizz pubbliku, fi żmien il-pandemija.
“Ma stennejthiex, veru ma stennejthiex. Kont eċċitata ħafna. Nirringrazzja ħafna, ħafna l-kollegi kollha tiegħi mhux fl-office of the CIO biss imma l-finanzi kollu”, qalet Rodry Ann Maria Celeste.
Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti l-President ta’ Malta George Vella li appella biex ma ninsewx lil dawk li minħabba l-pandemija sfortunatment tilfu xogħolhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela stqarr li x-xogħol ma jipprovdix biss għajxien imma jagħti wkoll identità.
Huwa stqarr, “Inħarsu ‘l quddiem biex filwaqt li nkomplu noħolqu x-xogħol u nkomplu nżommu l-ħaddiema tagħna fuq il-post tax-xogħol, inħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ biex ngħaddu minn dan il-perjodu li għaddejjin minnu, ħalli s-sena d-dieħla tkun is-sena li l-pajjiż jirkupra mill-aspett ekonomiku li jfisser ukoll li jkompli jkattar ix-xogħol u nżommu l-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.”