Fin-Naxxar waqt wirja tal-ibbalzmar, ingħataw premji lill-aqwa proġetti ta’ annimali bbalzmati, li kienu parti minn kompetizzjoni mtella’ mill-Federazzjoni Maltija tal-Ibbalzmar.
Din il-kompetizzjoni saret għat-tielet darba u ġiet organizzata biex toffri opportunità lid-dilettanti li jtejbu l-ħiliet tagħhom, u l-wirjiet ġew iġġudikati minn esperti barranin.
Anke ftit jiem ilu meta ONE News ra l-aħħar preparamenti ta’ din il-wirja, dawn l-esperti stqarru kif baqgħu impressjonati bil-ħiliet tad-dilettanti Maltin, liema sentiment reġgħu esprimewh waqt l-għoti tal-premji.
Waqt is-serata ġie nnutat li l-maġġoranza tal-annimali li ġew ibbalzmati f’din il-wirja ma kinux ikkaċċjati, iżda mietu b’mod naturali wara li trabbew fil-magħluq.
Fil-fatt, waqt is-serata, il-pubbliku kellu opportunità jara tajra tiġi mnaddfa u bbalzmata, u l-laħam tagħha ġie msajjar.
Preżenti kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li ppreżenta l-premji lir-rebbieħa.
Huwa nnota kif dak li sar tul din il-wirja, huwa xhieda tas-sostennibbiltà eżistenti f’dawn id-delizzji, li kull ma jmur f’pajjiżna, qed tiżdied.
Qal, “Attivitajiet bħal dawn jippromwovu s-sostennibbiltà anke fejn jidħol id-delizzju tal-kaċċa u l-insib, fejn wieħed jista’ jara kif il-poplu tagħna fl-aħħar mill-aħħar qed jevolvi biex b’mod legali wkoll ikun jista’ jipprattika d-delizzju tiegħu.”
Il-wirja bdiet fid-dsatax t’Awwissu, u damet tlett ijiem.