Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri ppreżenta l-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lill‑Intrapriża lill-organizzazzjonijiet rebbieħa. Dan il-premju jirrikonoxxi dawk l-organizzazzjonijiet u entitajiet governattivi li jispiraw spirtu intraprenditorju.
Fost ir-rebbieħa ta’ dan il-premju kien hemm l-organizzazzjoni tar-Reġistru għan-Negozji Maltin, il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem u l-ħanut tal-karità fi ħdan l-Inspire.
F’kummenti ma’ ONE News, rapreżentant tal-Bureau għan-Negozji Maltin spjega l-unur li jġib miegħu dan il-premju.
Simon Decesare, President tal-MBB stqarr: “We’re very proud as the Malta Business Bureau to recieve this honored award. It’s very important for Maltese businesses to be looking not only at the environmental impact of it but also the business sense that these type of economic and environmental initiatives take.”
Intant, il-Ministru Silvio Schembri qal kif b’differenza minn snin preċedenti, dis-sena dan il-premju serva biex jagħti kuraġġ lill-organizzazzjonijiet f’dan iż-żmien ta’ sfida minħabba l-pandemija.
Il-Ministru Schembri qal: “Irridu li jkun hemm aktar entitajiet u organizzazzjonijiet li jinċentivaw liż-żgħażagħ biex jieħdu dak il-kuraġġ biex jibdew ‘startups’ u inizjattivi intraprenditorjali għalihom. Aħna bħala Gvern b’aktar enerġija wkoll inkomplu ngħinuhom, nimxu id f’id magħhom ħalli ntuhom ir-riżorsi kollha li jkollhom bżon biex jirnexxu.”