Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva organizza l-Premju Anzjanità Attiva 2017. Dan sabiex tiġi mfaħħra l-anzjanità attiva u l-ġid li l-istess anzjani jagħmlu fis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis fakkar li bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet u attivitajiet varji fix-xahar ddedikat għall-anzjani, ġiet ppremjata l-anzjanità attiva. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lin-nominati u lil dawk li nnominawhom. Din is-sena kien hemm rekord t’applikazzjonijiet, 76-il applikazzjoni.
Għall-ewwel darba ngħata rikonoxximent ta’ tliet premjijiet ġodda; Premju Anzjanità Sportiva, Premju Anzjanità Akkademika u Premju Koppja Miżżewġa.
Premju Anzjanità Sportiva, fost disa’ nominazzjonijet intrebaħ minn Richard Borg, atleta anzjan li għadu attiv b’xogħol amministrativ b’mod volontarju lejn waħda mill-iskejjel tal-atletika f’pajjiżna li tittrenja total ta’ 72 tifel u tifla. Huwa jinkoraġġixxi lil bosta żgħażagħ u jagħmlilhom kuraġġ biex jipparteċipaw u ma jaqtgħux qalbhom.
Premju Anzjanità Akkademika, fost għaxar nominazzjonijet intrebaħ minn Carmel Azzopardi individwu li bl-abbiltajiet teknoloġiċi tiegħu għen fi proġetti innovattivi fil-qasam tal-enerġija rinovabbli u transport nadif. Saħansitra għen sabiex jiġi żviluppat Smart Solar fuq opra tal-baħar li ġibed l-attenzjoni ta’ nies, kemm lokali u anke internazzjonali.
Premju Koppja Miżżewġa, fost 11-il nominazzjoni intrebaħ minn Carmelo u Melita Psaila, koppja li għadhom mimlijin bl-imħabba u l-lealtà lejn xulxin, wara 66 sena ta’ żwieġ. Għalkemm din il-koppja tinsab residenti ġewwa San Vinċenz de Paule xorta waħda għadhom attivi fil-ħajja ta’ kuljum u jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom lill-familjari.
Premju Anzjanità Attiva 2017, fost 46 nominazzjoni intrebaħ minn Angelo Zahra, persuna attiva ferm kemm f’kumitati, u kemm fil-volontarjat. Hekk kif irtira, ħa t-tmexxija b’mod volontarju ta’ Fondazzjoni li tmexxi tliet residenzi għal persuni b’diżabilità. Taħt it-tmexxija tiegħu l-istess fondazzjoni fetħet ħanut (workshop) li jservi wkoll bħala terapija għal persuni b’diżabilità li huma residenti fi ħdan l-istess residenzi.
Matul is-serata ngħata wkoll Life Time Achievement Award, li ntrebaħ minn Joe Debono Grech,persuna li ħadmet ħafna tul ħajjitha u huwa ta’ eżempju ċar ta’ Anzjanità Attiva. Huwa persuna li għalkemm illum huwa rtirat, kullħadd jaf li dejjem ħadem u ħares l-interessi tal-ħaddiema.Kien ilu wkoll jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament għal 41 sena, fejn serva f’diversi karigi. Illum għadu jaħdem bl-istess grinta għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis faħħar l-anzjanità attiva għaliex hija ta’ ġid kemm għall-anzjani nfushom, kif ukoll għas-soċjetà Maltija. Dan għaliex bix-xogħol tagħhom ikunu ta’ spalla għal individwi oħra, kif ukoll ta’ eżempju għal ġenerazzjonijiet futura. Ħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu attivi u jħarsu lejn l-anzjanità b’pożittiva. Filwaqt li din is-serata premjat lil diversi anzjani, hija wkoll sinjal ta’ turija ta’ apprezzament lejn l-anzjanità attiva imxerrda ma’ Malta u Għawdex, f’kull qasam.