Sittax-il premju fi flus ingħataw waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji lir-rebbieħa tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji minn Festivals Malta.
Il-kompetizzjoni saret fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, u s-somom tal-premji varjaw skont it-taqsima li l-parteċipanti ħadu sehem fiha.
Il-presepji ġew iġġudikati fuq diversi elementi, fosthom il-kreattività, il-grotta, it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi u d-dehra ġenerali.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena n-numru ta’ presepji li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni laħaq il-wieħed u ħamsin.
Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva l-kompetizzjoni bħala attività importanti minħabba li l-għan tagħha hu li tinżamm ħajja din it-tradizzjoni.
Dan filwaqt li jitkattar l-interess kemm fid-dilettanti tal-presepju sabiex ikomplu jaħdmu f’dan is-settur, kif ukoll biex jitħeġġu parteċipanti ġodda.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li t-tradizzjoni tal-presepju fil-gżejjer Maltin tmur lura aktar minn erba mitt sena, u għalhekk rabbiet sew l-għeruq fost il-poplu ta’ dawn il-gżejjer.